TVM-TVAM - 30 u 31 ta' Mejju 2012




L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Laburista kontra PBS Limited rigwardanti l-edizzjoni tal-programm TVAM tat-30  ta’ Mejju, 2012, fejn fost l-items trattati kien hemm diskussjoni dwar il-mozzjoni ta’ ċensura u riżenja tal-Ministru Carm Mifsud Bonniċi bil-parteċipazzjoni fl-istudjo tal-ġurnalisti Karl Wright u Keith Micallef, u l-edizzjoni tal-istess programm tal-31 ta’ Mejju, 2012 li fost l-oħrajn trattat ir-riperkussjonijiet tal-vot li kien ittieħed fil-Parlament bil-parteċipazzjoni fl-istudjo tal-Avukat Austin Benċini, liema programmi skont il-Partit Laburista kienu żbilanċjati u kienu jiżvantaġġjaw l-istess Partit.

L-Awtorità semgħet lill-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Sur Kurt Farrugia li kienu qed jidhru għan-nom u fl-interess tal-Partit Laburista u kif ukoll lill-Avukat Therese Comodini Cachia u l-Dr Natalino Fenech Editur tal-PBS li kienu qed jidhru in rappreżentanza tal-istazzjon f’seduta li nżammet fil-5 ta’ Ġunju, 2012.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu il-Partit Laburista filwaqt li rrefera għar-regolamenti dwar l-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti, ikkontenda li l-ilment kien jikkonċentra fuq żewġ elementi u ċioè:

  1. l-għażla tal-mistiedna, u
  2. in-nuqqas tal-produzzjoni/preżentazzjoni li tikkonduċi d-diskussjoni b’tali mod li l-aspetti kollha tal-kontroversja jkunu rappreżentati,

u kien għal dan il-għan li l-Partit kien qed jitlob l-intervent tal-Awtorità. 

Il-Partit Laburista semma l-fatt li fil-każ tal-programm tat-30 ta’ Mejju, 2012, l-għażla tal-ġurnalisti kienet tiżvantaġġja lil Partit Laburista u dan peress li d-diskussjoni fl-istudjo fl-ebda mument ma’ rriflettiet jew aċċennat għall-veduti tal-Partit Laburista meta s-suġġett kien wieħed ta’ kontroversja politika u kien jimmerita li jkun bilanċjat. 

Meta rrefera għall-edizzjoni tal-31 ta’ Mejju, 2012, il-Partit irrilieva li minkejja l-kompetenza tal-Avukat Benċini fil-qasam tad-Dritt Kostituzzjonali, xi kummenti li għamel waqt l-imsemmi programm kienu politiċi u kienu jikkostitwixxu żbilanċ, u bħala tali kienu jitolbu rappreżentanza ta’ persuni b’veduti opposti sabiex jibbilanċjaw.  Skont il-Partit dan ma’ kienx ifisser li bilfors kellhom ikunu mistiedna il-persuni direttament involuti.  Żied li apparti l-Avukat Benċini kien hemm akkademiċi u esperti oħra li setgħu taw il-kontribut tagħhom f’diskussjoni dwar id-dritt Kostituzzjonali u l-iżviluppi fil-Parlament.

Il-Partit Laburista qal li meta wieħed jistudja l-andament tad-diskussjoni fl-assjem tagħha kien evidenti li n-naħa tal-Gvern fiż-żewġ programmi kienet ivvantaġġjata.

Minn naħa l-oħra, l-istazzjon ikkontenda li l-programm kien wieħed ta’ analiżi ġurnalistika u s-suġġett in kwistjoni kien ilu jkun diskuss f’numru ta’ edizzjonijiet tal-istess programm bil-parteċipazzjoni tal-mistiedna b’fehmiet opposti. Żied li l-ġurnalisti mistiedna fil-programm tat-30 ta’ Mejju kienu ġejjin minn media indipendenti u jekk wieħed kellu janalizza dak li qalu kien evidenti li fil-kummenti tagħhom huma tkellmu dwar kif kienu qed jaraw l-istorja tiżviluppa.

L-istazzjon tenna li matul il-ġimgħat ta’ qabel u dwar is-suġġett in kwistjoni, t-telespettatur fl-ebda mument ma kien ingannat għaliex tul id-diskussjoni kienet tingħata indikazzjoni ċara li l-istazzjon kien ser ikompli jsegwi mill-qrib u jitratta l-iżviluppi tal-istorja.

Rigward il-kontribuzzjoni tal-Avukat Austin Benċini, l-istazzjon tenna li minkejja li skont il-Partit Laburista dan kellu simpatija lejn il-Partit Nazzjonalista, l-intervent tiegħu dwar dak li kien qed jiġri fil-Parlament kien wieħed analitiku, fejn irrefera għall-proċeduri hekk kif imfissra fil-Kostituzzjonali u żamm mal-linja akkademika.

L-Awtorità kkonsidrat dan l-ilment ai termini ta’ Artiklu 34 tal-Att dwar ix-Xandir u wara li kellha l-opportunità li terġa’ tara bir-reqqa iż-żewġ siltiet tal-programm in kwistjoni u wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u iddiskutiet fit-tul l-argumenti rilevati, kkonstatat illi b’mod ġenerali kien hemm qbil li fuq medda ta’ żmien, u fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Partiti Politiċi il-programm TVAM kien bilanċjat.

Madanakollu, l-Awtorità irrilevat illi fiż-żewġ edizzjonijiet in kwistjoni kienu saru xi kummenti ta’ natura kontroversjali li kienu jimmeritaw il-preżenza ta’ fehmiet differenti u dan sabiex it-telespettaturi jkunu ippreżentati biż-żewġ naħat tal-kontroversja. 

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorità, minkejja li bl-ebda mod ma riedet timpinġi fuq id-dritt tal-mistiedna fil-programm li jesprimu l-fehmiet u l-opinjonijiet tagħhom, tisħaq li huwa dmir tal-istazzjon illi, b’mod partikolari meta jiġu espressi fehmiet ta’ materja kontroversjali kellu jassikura li l-fehmiet kollha tal-ispettru jkunu ppreżentati u dan b’ħarsien sħiħ għall-prinċipju ta’ imparzjalità hekk kif protett bil-Kostituzzjoni u l-liġi ordinarja.

22 ta' Ġunju 2012