TVM-Popolin - 20 ta' Ottubru 2020




Deċiżjoni dwar l-akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm
Popolin li xxandar fl-20 ta’ Ottubru 2020

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm Popolin li xxandar fl-20 ta’ Ottubru 2020 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu16 L (9) u Artiklu 13 (2) (f) tal-Att dwar ix-Xandir. Dan il-programm tratta l-budget, li kien suġġett kurrenti minħabba li fil-ġurnata ta’ qabel kien għadu kif ġie ippreżentat il-budget.

Minkejja li dan il-programm tratta tema ta’ ġrajjiet kurrenti, xorta waħda kien sponsorjat u għaldaqstant dan kien jikkostitwixxi ksur ta’ Artiklu 16L (4) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li “Programmi ta’ aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti m’għandhomx ikunu sponsorjati”.

Barra minn hekk mill-analiżi tal-programm jidher li minkejja li s-suġġett għad-diskussjoni kien dwar policy pubblika kurrenti u li konsegwentament iwassal għal kontroversja politika u industrijali, ma ġewx ippreżentati veduti opposti għal dawk li kienu qed jiġu mwassla fil-programm. Dawn il-veduti ma ġewx ippreżentati lanqas fi programmi sussegwenti minkejja li dan is-suġġett baqa’ jkun diskuss u għaldaqstant irriżulta li dan il-programm ixxandar bi ksur ta’ Artiklu 13 (2) (f) tal-Att dwar ix-Xandir li jgħid “li tinżamm imparzjalità dovuta dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrijali jew li għandhom x’jaqsmu ma’ policy pubblika kurrenti”.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u s-Sur Quinton Scerri, s-Sinjura Norma Saliba u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon li dawn tal-aħħar attendew b’mod virtwali f’seduta li nżammet fis-7 ta’ Jannar, 2021.

Min-naħa tiegħu s-Sur Quinton Scerri spjega dwar x’wassal biex kien hemm selezzjoni tal-mistiedna  u l-vox pop li xxandar u qal li l-preżentatur ma jkollux kontroll fuq dak li jgħidu l-mistiedna iżda l-għażla tal-mistiedna ma kinitx intenzjonata li tkun biased.  Qal li ż-żewġ mistiednin ma kellhom l-ebda rabta politika.  Rigward il-vox pop li xxandar fejn il-maġġoranza tan-nies li tkellmu magħhom kellhom opinjonijiet pożittivi, qal li l-produzzjoni ma editjatx il-vox pop biex ikun parzjali.

 

Dr Mark Vassallo ressaq il-punt dwar l-isponsorship u qal li filwaqt li qal li minn mindu inħarġet l-akkuża l-isponsors tal-programm Popolin twaqqfu, iżda qal ukoll li ma jaqbilx mal-interpretazzjoni li qed tagħti l-Awtorità fir-rigward tal-provvediment Artiklu 16 (L) (4) tal-Att dwar ix-Xandir.

 

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet. L-Awtorità qablet li l-istazzjon kien ħati fuq iż-żewġ akkużi. L-ewwelnett l-Awtorità osservat li dak li qal Dr Mark Vassallo fir-rigward ta’ sponsorship fi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti kien żbaljat minħabba li d-Direttiva tas-Servizzi tal-Mezzi Awdjoviżiva tagħmilha ċara li kwalunkwe sponsor, fi kwalunkwe forma huwa projbit fi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti. L-Awtorità qablet li dan kien programm ta’ ġrajjiet kurrenti u li kien sponsorjat għaldaqstant kiser Artiklu 16 (L) (4) tal-Att dwar ix-Xandir u ħati wkoll ta’ ksur ta’ Artiklu 13 (2) (f) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li setgħu jiddaħħlu veduti differenti u opposti għal dak li ġie ppreżentat. Għaldaqstant l-Awtorità ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata u kellha timponi penali ta’  €3490 liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.

 

 

20 ta’ Jannar 2021