TVM - Xarabank - 6 ta' Jannar 2012




Deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista dwar deċiżjoni tal-istess Awtorità rigwardanti l-Programm Xarabank li xxandar fuq PBS il-Ġimgħa 6 ta' Jannar, 2012

L-Awtorità ltaqgħet f’seduta urġenti llum, il-Ħamis 12 ta’ Jannar 2012 biex isir is-smigħ ta’ ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar l-allokazzjoni mill-Awtorità tax-Xandir ta’ 15 il-minuta lill-Oppożizzjoni b’risposta għall-intervista li saret lill-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi waqt il-programm Xarabank li xxandar nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar 2012.

Il-Partit Nazzjonalista kien rappreżentat mill-Avukat Frank Psaila, Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, assistit mill-Avukat Karol Aquilina.  Preżenti wkoll kien hemm is-Sur Kurt Farrugia, Direttur Informazzjoni tal-Partit Laburista bħala osservatur.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-Partit Nazzjonalista sostna li Dr Lawrence Gonzi ġie mistieden u intervistat fil-programm wara r-rejazzjoni magħmula minn deputat mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u għalhekk, fil-fehma tal-Partit Nazzjonalista, Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ma japplikax u l-Awtorità tax-Xandir waslet għal konklużjoni żbaljata.  Il-Partit Nazzjonalista fl-ilment tiegħu ikkontenda wkoll li d-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir li tagħti min jeddha ħin lill-Partit Laburista toħloq żbilanċ fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista kkontenda wkoll li l-Awtorità tax-Xandir injorat il-fatt li matul l-istess programm ixxandru siltiet minn Konferenza tal-Aħbarijiet mogħtija mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat.

Għal dawn iż-żewġ raġunijiet, il-Partit Nazzjonalista ipprotesta kontra d-deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tax-Xandir u talab li waqt il-programm li mponiet l-istess Awtorità ikun hemm rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista.

L-Avukat Karol Aquilina, fis-sottomissjoni tiegħu waqt il-laqgħa, sostna li l-Partit Nazzjonalista kien tal-fehma li d-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir tmur lill hinn minn dak li titlob il-Liġi u ma kienx jifhem kif l-Awtorità tista timponi li kull meta jitkellem il-Prim Ministru f’xi programm televiżiv, għandu jingħata ħin lill-Kap tal-Opposizzjoni sabiex jiġu espressi l-veduti tal-Oppożizzjoni u kien għalhekk li  ressqet dan l-ilment u talbet ir-rimedju.

L-Awtorità kkunsidrat dan l-ilment ai termini tal-Ligi tax-Xandir Artiklu 34 li jagħti l-fakulta lill-Awtorità li tqis ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fuq il-mezzi tax-xandir.

Waqt id-deliberazzjoni tagħha dwar il-każ, l-Awtorità rat li fid-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Jannar, 2012 ir-rimedju li ngħata lill-Partit Laburista ma kienx riżultat ta’ dak li qal il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista fir-rigward tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista imma b’riżultat ta’ dak li qal fir-rigward tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Laburista li ma kienx preżenti u li għalhekk ma setgħax jirrispondi għall-kritika li kienet qed issirlu.

Is-siltiet mid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Laburista waqt Konferenza Stampa li saret aktar kmieni fl-istess ġurnata u li xxandru waqt il-programm saret kritika fuqhom mill-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk ma jistax jingħad li l-programm kien jittratta biss kwistjoni interna fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kif issottomettew ir-rappreżentanti tal-istess Partit waqt is-smigħ tal-ilment.

L-Awtorità ikkostatat li r-reshuffle fil-Kabinett u s-sospenzjoni tal-onorarja tal-Ministri u Segretarji Parlamentari bla dubju jikkostitwixxu ħwejjeġ ta’ kontroversja politika u għalhekk ma jistax jingħad li l-Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta ma japplikax f’dan il-każ.

Għalkemm waqt il-programm sar attentat mill-preżentatur biex jitwasslu l-fehmiet taż-żewġ partijiet, l-Awtorità waslet għall-konklużjoni li dan l-iskop ma ntlaħaqx u kien għalhekk li imponiet ir-rimedju li dwaru qed isir l-ilment.

Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità ma tħossx li hemm raġuni li fuqha setgħet tibbaża tibdil fid-deċiżjoni tagħha kif qed jitlob il-Partit Nazzjonalista u għalhekk iddeċidiet li l-ilment m’għandux ikun milqugħ u d-deċiżjoni minnha meħuda fl-10 ta’ Jannar 2012 għandha tiġi kkonfermata.

12 ta’ Jannar, 2012