TVM - Waranofsinhar - 26 ta’ Novembru, 2018




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm Waranofsinhar li xxandar fis-26 ta’ Novembru, 2018

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm Waranofisnhar li xxandar fis-26 ta’ Novembru, 2018, fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 4.1.10 (ii) u Paragrafu 4.1.10 (i) tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15 meta matul dan il-programm ġew intervistati Russell Sammut mit-team tal-Istrina u Raisa, li fl-istudio magħha kellha lil binha Daylon li għandu inqas minn tliet snin u ma kellux wiċċu mgħotti skont il-provvedimenti tal-Liġi. In oltre, fl-istess taqsima intwera ukoll filmat ta’ ħut Daylon li huma minorenni meta ma ġiex ippreżentat media report tagħhom.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Reuben Zammit, Quality Assurance Manager, li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon li kien akkumpanjat mis-Sur John Camilleri, uffiċċjal mill-kumitat organizzattiv tal-Istrina, f’seduta li nżammet fil-5 ta’ Diċembru, 2018.

Is-Sur Zammit qal li l-istazzjon kien konxju mil-liġi u sensittiv fil-konfront ta’ persuni bla ħarsien xieraq, madankollu fil-każ in kwistjoni nħass li ma kellhiex tkun problema li jidher wiċċ it-tifel stante li l-istorja kienet waħda ta’ suċċess. Żied li l-Istrina minn dejjem kienet avveniment nazzjonali ta’ importanza sinjifikanti u kull sena l-istazzjon kien jassisti lill-Community Chest Fund billi jipprovdi l-airtime tul il-kampanja kollha.

Is-Sur Zammit qal li peress li l-programm Waranofsinhar kien wieħed live u farmed out, il-kontroll fuq il-kontenut minn naħa tal-istazzjon kien aktar diffiċli.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon, u wara li rat il-filmat relattiv iddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata u qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas. In oltre, l-Awtorita’, filwaqt li nnutat li l-provvedimenti fir-rigward ta’ persuni bla ħarsien xieraq kienu ċari, rriaffermat l-importanza tal-każ in eżami u saħqet fuq l-obbligu tal-istazzjonijiet li josservaw b’diliġenza u bl-aktar mod ampju l-Leġislazzjoni Sussidjarja in kwistjoni u jkunu sensittivi meta jitrattraw dan it-tip ta’ xandir.

Illum 6 ta’ Diċembru, 2018