TVM - Starboard - 20 ta' April 2011




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Starboard li xxandar fl-20 t’April, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 16 M (3) (b), (c) u (d) u ksur ta’ paragrafi 4 u 8 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta ma kienx hemm distinzjoni adekwata bejn il-kontenut informattiv u dak reklamatorju, ma kienx indikat li fil-programm kien ser ikun hemm tqegħid ta’ prodott, u kien hemm prominenza eċċessiva għall-prodotti partikolari.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lis-Sinjuri Ray Libreri u Teddy Borg f’isem l-istazzjon u l-produzzjoni rispettivament u wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż l-ammissjoni tal-istazzjon u ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex tali nuqqasijiet ma jirrepetux ruħhom.