TVM - Skjetti - 22Nov2017




Deċiżjoni dwar akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd rigward il-programm Skjetti li xxandar fit-22 ta’ Novembru, 2017


L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. dwar il-programm Skjetti li xxandar fit-22 ta’ Novembru, 2017 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt dan il-programm ixxandar filmat bl-aktar “għaxar ġennati” li kienu trends onlajn. Daniel Chircop, wieħed mill-preżentaturi, waqt dan il-filmat jgħid li staqsew lil tifel ta’ ħdax-il sena biex jgħid lit-telespettaturi jekk mill-esperjenza tiegħu fuq social media u youtube jafx f’hiex jikkonsistu dawn l-isfidi. It-tifel, li kien blurred, wieġeb għal mistoqsijiet jekk kienx jaf dwar dawn l-għaxar ġennati/sfidi li kienu qed jidhru. Fil-filmat li fih dehret il-caption ‘Filmat grafiku’, intwerew dawn l-isfidi, l-aktar għaxar ġennati u li huma perikolużi. Dawn kienu d-Duck Tape Challenge, il-Mentos u l-Coke Challenge, Eyes and Salt challenge, the Kylie Jenner Lip Challenge, il-Condom Challenge, il-Fire Challenge, l-Eraser Challenge, is-Cinnamon Challenge, il-Vodka Eye Balling Challenge. F’dan il-filmat deher b’mod ċar dawn l-isfidi li huma perikolużi ħafna u saħansitra jista’ jkun jekk din l-isfida tmur ħażin tista’ tkun fatali. Minħabba dak kollu li deher waqt il-feature, esponew materjal lil minuri li setgħu kienu qed jaraw dan il-programm. Dan il-filmat seħħ bi ksur ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li dan il-filmat bil-mod espliċitu li xxandar kien qed joffendi l-gosti tajbin, seta’ jinkoraġġixxi jew iħajjar għall-kriminalità u seta’ jwassal għal diżordni. Barra minn hekk, dan it-tip ta’ kontenut ma kienx adattat għal uħud mill-udjenza li jkunu qed isegwu f’dawk il-ħinijiet. Il-ħinijiet li xxandar dan il-filmat huma ħinijiet fejn il-familja kollha, inkluż minuri, tkun qed issegwi l-programmar u dan it-tip ta’ filmat huwa perikoluż għal tfal jew adoloxxenti li jistgħu jkunu qed isegwu matul dak il-ħin tal-ġurnata. Fil-filmat dehru sfidi li kienu ta’ periklu u li setgħu jħallu impatt fuq udjenza minuri li faċilment setgħu jkunu qed jaraw it-televiżjoni f’dak il-ħin.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon li kien akkumpanjat mis-Sur Quinton Scerri produttur tal-programm, f’seduta li nżammet fl-24 ta’ Jannar, 2018.

Il-Kap Eżekuttiv apparti li ddelineat l-elementi tal-akkuża qalet li filwaqt li f’parti mill-filmat intqal li dawn setgħu kienu fatali fl-istess filmat li wera uħud mill-ġennati, instema voice over jgħid li l-individwu “kien għadu ħaj”. Il-Kap Eżekuttiv qalet li l-ħin li fih ixxandar dan il-filmat, jiġifieri fis-19.20, huwa ħin għall-familja u għalhekk il-probabbilta li ma jkunx hemm biss adulti bħala udjenza imma minuri li ġew esposti għal dan il-filmat.

Is-Sur Quinton Scerri qal li f’dan il-każ wieħed ried jara l-kuntest tal-programm. Żied li l-filmati li ntwerew kienu ‘craze of the moment’ u kienu fuq fomm iż-żgħażagħ kollha u kemm id-diskussjoni dwaru hekk ukoll il-ħin li fih ixxandret kienu intenzjonati u immirati lejn il-familja.

Is-Sur Scerri qal li l-produzzjoni riedet tiġbed l-attenzjoni u tqajjem kuxjenza fost il-ġenituri għal dak li kienu esposti għalih uliedhom fuq l-internet. Żied li l-produzzjoni kienet konxja mis-serjeta’ tas-suġġett tant li fil-programm kien hemm ħin għal diskussjoni fl-istudjo mal-psikologu u kien hemm blurring ta’ wiċċ it-tifel li ġie intervistat. Żied li kieku dan il-programm u l-filmati intwerew fil-programm Skjetti li jixxandar fil-għaxija żgur li l-udjenza u l-effett kienu jkunu inqas.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu l-istess Awtorità filwaqt li fehmet u apprezzat l-intenzjoni tal-produzzjoni li tippreżenta diskussjoni edukattiva dwar tema kurrenti, kienet tal-fehma li tenut kont tal-mod kif u l-ħin li fih ixxandret din l-edizzjoni tal-programm wieħed kellu juri aktar attenzjoni għall-udjenza vulnerabbli u għaldaqstant kellha twiddeb lill-istazzjon ma jirrepetix tali aġir.


Illum 13 ta’ Frar, 2018