TVM - Skjetti - 16 ta' Frar 2018




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ TVM rigward
il-programm Skjetti li xxandar fis-16 ta’ Frar, 2018

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Skjetti li xxandar fis-16 ta‘ Frar, 2018 fejn ġie allegat ksur Artiklu 16 K (a) tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt l-ewwel intervent tas-Sur Mattew Bartolo li kien mistieden fil-programm, li tratta l-imħabba, ittellgħet caption li kienet taqra COUNSELLOR - WILLINGNESS.COM.MT. Minħabba f’hekk, ingħata reklam għad-ditta Willingness f’parti li suppost kienet intiża li tkun waħda informattiva. Il-fatt li ngħatat il-website serva ta’ reklam għal din il-kumpanija li toffri s-servizzi tagħha f’dan il-qasam, u għalhekk inħolqot assoċjazzjoni bejn l-element informattiv u l-entità kummerċjali inkwistjoni.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Quinton Scerri, f’seduta li nżammet fit-12 ta’ Ġunju, 2018, li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sur Rodney Gauci għall-produzzjoni. Minn naħa tiegħu s-Sur Scerri qal li willingness.com.mt hija blog u mhijiex website li qed tagħti informazzjoni dwar xi servizzi li wieħed jista’ jieħu. Is-Sur Scerri spjega wkoll li fost is-sessjonijiet ta’ servizzi li jsiru minn terapisti hemm uħud mis-servizzi li jsiru bla ħlas. Is-Sur Scerri insista li f’din il-blog m’hemmx referenza għal entita jew klinika jew servizzi oħra. Qal ukoll li dan is-sit huwa blog fejn il-qarrejja jistgħu jinteraġixxu mat-terapisti.

Is-Sur Scerri qal ukoll li l-programm Skjetti mhuwiex chat show u s-Sur Bartolo mhuwiex mistieden regolari għaldaqstant wieħed seta’ jara li l-ħsieb tal-produzzjoni mhijiex li jkun hemm reklam. Semma’ wkoll eżempji oħra ta’ programmi u mistiedna oħra li matul is-snin minħabba l-preżenza tagħhom fil-programm servew ta’ reklamar għalihom.

Is-Sur Scerri argumenta li l-konverġenza teknoloġika qed twassal li tagħti l-lead għal dak li jixxandar fuq it-televiżjoni, iżda ċ-Chairman ikkontenda li l-produtturi tal-programmi għandhom joqogħdu attenti li permezz ta’ din il-konverġenza ma tinħoloqx irregolarita fil-programmi mxandra.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata u qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas fis-sens li r-referenza għas-sit elettroniku indikat fl-akkuża jidħol fil-parametri ta’ Artiklu 16 (K)(a) tal-Att dwar ix-Xandir u mhux permissibbli.


Illum 12 ta’ Lulju, 2018