TVM - Niskata - 5 ta' Ottubru 2021




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista rigward il-programm Niskata imxandar fuq TVM fil-5 ta’ Ottubru 2021

L-Awtorità kellha quddiemha -lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista (PN) dwar il-programm Niskata tal-5 ta’ Ottubru 2021 imxandar fuq TVM.  Il-PN ilmenta għall-parteċipazzjoni ta’ kandidat uffiċjali tal-Partit Laburista (PL) li ġie mistieden biex jitkellem dwar il-qasam tat-teknoloġija. Fl-ilment intqal li din ma kinitx l-ewwel darba li x-xandir pubbliku qed jistieden nies li jkunu diġà ddikjaraw ruħhom bħala kandidati f’isem il-P L. Qal li l-parteċipazzjoni ta’ dawn il-kandidati sservi ta’ propoganda għall-kandidati u għall-partit li jkunu qed jirrappreżentaw. Il-P N talab rimedju ġust u effettiv u talab biex din il-prattika fejn il-kandidati tal-P L jingħataw vantaġġ politiku mhux ġustifikat titwaqqaf.

Għas-seduta li saret fil-25 ta’ Ottubru, dehru virtwalment is-Segretarju Ġenerali tal-PN Dr Michael Piccinino u Dr Zammit Dimech għall-PN, filwaqt li għall-PBS dehru s-Sinjura Norma Saliba bħala l-editur u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS.

Dr Zammit Dimech beda s-sottomissjonijiet billi qal li l-fatt li qegħdin mhux ’il bogħod minn elezzjoni ġenerali, il-PBS ma jistax ikun li jkollu mistieden regolari, liema mistieden ikun kandidat ma’ partit politiku. Qal li f’dan il-każ il-mistieden tkellem dwar it-teknoloġija iżda minħabba li l-mistieden huwa kandidat mal-P L dan se jkun qed iġedded l-għarfien tiegħu mal-elettorat u jagħti vantaġġ lill-P L.

Qal li dan imur kontra Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni, liema Artiklu jipprovdi li għandu jkun hemm tqassim ġust ta’ ħin u faċilitajiet bejn persuni ta’ partiti differenti. 

Min-naħa tal-PBS, Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS qal li dak li qed jitlob Dr Francis Zammit Dimech huwa diskriminazzjoni mal-mistiedna f’dawn it-tip ta’ programmi.  Spjega li dawn il-mistednin jiġu mistiedna skont il-professjoni tagħhom u mhux skont jekk humiex kandidati jew le. Dr Vassallo qal li x-xandir pubbliku ma jistax iwaqqaf persuna sempliċiment għax ikkandidat ruħha, aktar u aktar dan meta qed jidher fil-vesti professjonali tiegħu u qal li dment li ma tkunx kampanja elettorali. Dr Mark Vassallo osserva li l-Awtorità għandha tara l-kontenut kollu tal-programm u tara li l-mistednin qed ikunu minn kull qasam tal-ħajja.

Dr Mark Vassallo fakkar li Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni li qed jirreferi għalih Dr Zammit Dimech jittratta imparzjalità dovuta fuq suġġett ta’ kontroversja politika jew industrijali jew suġġetti ta’ public policy. Qal li f’dan il-programm dan ma kienx il-każ.

L-Awtorità wara li semgħet is-sottomissjonijiet li kienu sar dwar l-ilment u evalwat il-punti li tqajmu, għamlet il-konsiderazzjonijiet segwenti:

  • Il-mistieden tkellem biss dwar it-teknoloġija fil-programm Niskata, liema programm huwa meqjus bħala magazine programme.
  • Matul l-intervista li sar ilment dwarha qatt ma ġew trattati issues kurrenti jew ta’ kontroversja politika u industrijali.
  • Il-mistieden fil-programm kien persuna espert fit-teknoloġija u l-parteċipazzjoni tiegħu f’dak il-programm kienet tittratta każ li affettwa l-komunikazzjoni teknoloġika mondjali bla preċedent.
  • Il-parteċipazzjoni tal-mistieden saret f’mument fejn il-pajjiż mhuwiex f’kampanja elettorali u l-parteċipazzjoni tiegħu bl-ebda mod ma saret biex tagħti lok għal propoganda favur partit politiku.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-ilment ma jistax jiġi milqugħ.

Iżda l-Awtorità hija tal-fehma li fi programmi bħal dawn iridu jaraw li l-mistednin jekk potenzjalment ikunu se jittrattaw temi ta’ kontroversja politika jew industrijali jew li għandhom x’jaqsmu ma’ policy pubblika kurrenti, għandhom jaraw li l-għażla tal-mistednin tkun wiesgħa biex il-faċilitajiet ta’ ħin jitqassmu b’mod ġust.

1 ta’ Novembru 2021