TVM - News - 29 ta' Marzu u 11 t'April, 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar l-aħbarijiet ta’ TVM tad-29 ta’ Marzu, u l-11 t’April, 2013, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4.4.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar is-Sehem ta’ Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir meta waqt servizz dwar żewġ Somali li tressqu l-qorti akkużati b’allegat stupru fuq tfajla Taljana l-istazzjon xandar filmat li kien jinkludi close-up ta’ wieħed mis-Somali eskortat fuq siġġu tar-roti ħiereġ mill-bini tal-qorti filwaqt li kien qed jgħolli ma’ wiċċu l-borża tal-"catheter" bil-likwidu isfar ġo fiha.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd. li kien assistit mill-Avukat Mark Vassallo, f’seduta li nżammet fl-4 ta’ Ġunju, 2013.

L-Avukat Vassallo fis-sottomissjonijiet tiegħu ikkontenda illi li kieku wieħed kellu jikkonsidra mill-ġdid ix-xandir tal-filmat in kwistjoni wieħed kien jasal għall-konklużjoni li din il-parti setgħet tħalliet barra. 

Żied li madanakollu kien jidher li l-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15 ċitata fl-akkuża ma kienitx tkopri ċ-ċirkostanzi tal-każ in eżami u dan peress li l-istess leġislazzjoni speċifikament f’paragrafu 2.2, kienet tidentifika b’mod espliċitu l-persuni bi bżonn ta’ ħarsien xieraq li għalihom din kellha tapplika, u li f’dan il-kuntest iċ-ċirkostanzi tal-każ in eżami ma kienux jaqgħu fil-parametri tal-liġi. 

Minn naħa tiegħu s-Sur Reno Bugeja sostna li meta xandar dan il-filmat l-istazzjon ma kellu l-ebda intenzjoni li b’xi mod jiddegrada l-persuna in kwistjoni.

Għalhekk wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet rat il-parti tal-filmat relattiv, qablet li din is-silta kienet oġġezzjonabbli u ma kien jintilef xejn mill-valur tal-aħbar li kieku l-istazzjon iddeċieda li jħalli din is-silta barra.

L-Awtorita ikkostatat ukoll li paragrafu 2.2 tal-imsemmija Leġislazzjoni Sussidjarja citat minn Dr Vassallo kien fil-fatt jinkludi każijiet bħal dawn għaliex il-liġi ssemmi ġeneri differenti ta’ nies u tinkludi l-kliem "fost oħrajn". Il-fatt li l-persuna tressqet b’arrest quddiem il-qorti u kienet għadha ma nstabitx ħatja twassal biex tali persuna titqies, ai termini tal-liġi, bħala persuna vulnerabbli, aktar u aktar meta f’dan il-każ wieħed iqis il-kundizzjoni li fiha tressqet il-qorti.  Kif irriteniet f’diversi każijiet oħra, l-Awtorita ma’ kellha l-ebda ħsieb li b’xi mod tinpinġi fuq l-għażla ta’ l-istorja. Madankollu bħala regolatur tax-xandir tħoss li għandha d-dmir li tieħu azzjoni meta fil-fehma tagħha viżwal jinħass li ma jkunx addattat. F’dan il-każ, l-istazzjon stess ammetta  li kien ikun aktar għaqli li l-parti tal-filmat in kwistjoni kienet titħalla barra. 

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twiddeb lill-istess sabiex ma jirrepetix tali nuqqas. 

Illum 5 ta’ Ġunju, 2013