TVM - Deal or No Deal - 21 t’Ottubru u fit-2, 3 u 5 ta’ Novembru 2009




L-Awtorità semgħet ukoll żewġ akkużi dwar numru ta’ edizzjonijiet separati talprogramm Deal or No Deal li xxandru fuq TVM rispettivament fil-21 t’Ottubru u fit-2, 3 u 5 ta’ Novembru 2009. L-istazzjon ġie akkużat li, f’kull waħda minn dawn l-edizzjonijiet ma kinitx inżammet is-separazzjoni meħtieġa mil-Liġi dwar ix-Xandir bejn il-parti informattiva u l-parti reklamatorja tal-programm u li għalhekk dan kien jikkostitwixxi reklamar b’ħabi (surreptitious advertising). L-Awtorità kkonkludiet li dawn l-akkużi kienu ġġustifikati u mponiet il-penali relattiva ta’ elf mija u erbgħa u sittin Ewro (€1,164).

Dwar l-edizzjoni tal-programm Deal or No Deal li ntwera fil-21 t’Ottubru 2009, il-Kap Eżekuttiv kien ukoll akkuża lill-istazzjon bi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar gosti tajba tal- Liġi dwar ix-Xandir meta wieħed mill-parteċipanti tħalla, anzi ġie inkoraġġit sabiex jitkellem dwar il-passjoni tiegħu għal-logħba tal-azzard tal-poker u dwar il-vantaġġi ta’ din il-logħba, dan fi programm li jintwera f’ħin meta x’aktarx tkun qed tara t-televiżjoni l-familja kollha. Dwar din l-akkuża, waqt li l-Awtorità ħasset li ma setgħetx tieħu azzjoni kontra l-istazzjoni ġaladarba li ma kienux jeżistu regolamenti speċifiċi li jipprojbixxu din it-tip ta’ promozzjoni u deherilha ukoll li ma kienx xieraq li għandha tapplika lprovvedimenti legali dwar gosti tajba f’dan il-kuntest, l-Awtorità tħoss li għandha tesprimi l-preokkupazzjoni tagħha li stazzjon televiżiv, aktar u aktar l-istazzjon tal-Istat, jippermetti li jixxandar dan it-tip ta’ kontenut f’ħin li jkunu għadhom jaraw it-televiżjoni persuni ta’ età mhux adulta.