TVM - Budget Spots - 12 ta' Ottubru 2021




Deċiżjoni rigward ilment mill-Partit Nazzjonalista dwar reklamar marbut mal-Budget 2022

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista (PN) fit-12 ta’ Ottubru 2021 li jittratta xandir ta’ reklami politiċi b’referenza għall-Budget għas-sena 2022. Il-PN ilmenta li reklami politiċi huma pprojbiti milli jixxandru jekk ma jkunux fi skema ta’ xandiriet politiċi approvati mill-Awtorità tax-Xandir. Il-PN ilmenta wkoll li x-xandir ta’ dawn l-ispots dwar il-Budget 2022 huwa bi ksur ta’ Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni minħabba li l-imparzjalità fuq materja ta’ kontroversja politika jew ta’ politika kurrenti.

F’seduta tal-25 ta’ Ottubru, l-Awtorità semgħet b’mod virtwali lil Dr Francis Zammit Dimech u Dr Michael Piccinino għall-PN, filwaqt li għall-PBS dehru s-Sinjura Norma Saliba u Dr Mark Vassallo bħala rappreżentant legali tal-PBS.

Minħabba li l-PN ressaq ilment identiku fit-18 ta’ Ottubru, il-PN qabel li ż-żewġ ilmenti jiġu trattati f’ilment wieħed. Dan minħabba li kienu qed jixxandru.  reklami ta’ natura politika b’konnessjoni mal-Budget 2022 u li kienu qed jidhru ripetutament fuq ix-xandir pubbliku. Il-PN ilmenta li kif kien indikat fl-ilment tat-12 ta’ Ottubru, dawn ir-reklami qed jixxandru b’mod regolari fuq l-istazzjon pubbliku.

Dr Francis Zammit Dimech qal li l-PN qed jilmenta li fuq l-istazzjon pubbliku qed jixxandru sensiela ta’ spots ta’ natura politika. Hu spjega li dan ir-reklam kien reklam purament kummerċjali b’elementi politiċi u ta’ propoganda. Qal li jkun hemm każijiet fejn jixxandru spots iżda meta dawn ikunu ta’ natura informattiva, il-PN ma jressaqx ilment. 

Dr Zammit Dimech spjega li huwa minnu li dan l-ispot tal-budget ixxandar ukoll fuq NET TV kif irrimarkaw il-PBS fit-tweġiba tagħhom, iżda qal li l-PN għamel dak li stenna li tagħmel l-Awtorità tax-Xandir u taw rimedju għal dak li xxandar. Qal fil-fatt fuq NET TV wara l-ispot tal-budget ixxandar spot bi tweġiba mmedjata bi stil simili ta’ reklam u bl-opinjoni kuntrarja.  Qal li tant kemm kien ta’ kontroversja politika li l-PN ħass li jtella’ reklam b’format kummerċjali propogandistiku u muri wkoll waqt il-brejk tal-aħbarijiet.

Għan-naħa tal-PBS, Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS, beda billi qal li wieħed ma jistax jifhem kif jekk dan ir-reklam kien daqshekk propogandistiku u ma kienx reklam informattiv kif Net TV ħass li kellu jixxandar fuq l-istazzjon tal-P N. Staqsa jekk spot tal-budget huwiex ġustifikat li jixxandar fuq NET TV imma mhux fuq l-istazzjonijiet tal-PBS.

Dr Mark Vassallo fakkar li spots relatati mal-budget ilhom jixxandru mill-2012 u l-iskop ta’ dawn l-ispots huwa biex il-pubbliku jkun infurmat bil-miżuri tal-budget. Qal li l-liġi ma tipprojbix kampanja ta’ informazzjoni mill-Gvern li għandu jinforma dwar il-miżuri tal-budget.

Dr Mark Vassallo rrimarka li l-Awtorità għandha tara jekk dawn l-ispots humiex qed ixekklu l-bilanċ fuq il-PBS. Qal li l-PBS jemmen li dan mhux qed jiġri u l-bilanċ qiegħed jinżamm fix-xandiriet u t-trażmissjoni tal-PBS. Qal li l-Awtorità trid tara jekk f’dan il-kuntest Paragrafu 12.4 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14 huwiex qed jinkiser u qal li l-PBS qed jara li jaderixxi ma’ dan il-Paragrafu.

Wara li l-partijiet ippreżentaw is-sottomissjonijiet, l-Awtorità ddiskutiet il-każ.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet u ħasset li kien identifikat spot partikolari li kien jittratta l-Budget 2022 u li dan l-ispot kien ixxandar eżattament wara d-diskors tal-budget fuq l-istazzjonijiet tal-PBS. Sussegwentament ixxandar spot simili aktar ’il quddiem. Rat ukoll li dawn kienu l-istess spots li wkoll kienu jixxandru fuq NET TV.

Fl-isfond ta’ dan l-Awtorità għamlet numru ta’ osservazzjonijiet:-

  • Parti mill-kontenut tal-ispot li xxandar dakinhar tad-diskors tal-budget kien jikkonsisti fi statements politiċi u għalhekk taw lok li dan il-kontenut wassal biex dan l-ispot jitqies bħala spot politiku.
  • Dan l-ispot partikolari kien jikkostitwixxi bħala reklam politiku iżda rat li kien hemm spots oħra li kellhom element informattiv dwar miżuri u benefiċċji li kienu jagħmlu parti mill-Budget 2022. 
  • Minħabba li l-Awtorità tħoss li dan ir-reklamar potenzjalment kellu statements politiċi jinħass li l-Oppożizzjoni kellha tingħata ċ-ċans li tagħti l-veduta tal-Oppożizzjoni rigward dawn l-istatements politiċi.
  • L-Awtorità wkoll tħoss li biex jinħoloq bilanċ ma jkunx ifisser li jingħata ħin ugwali, u l-bilanċ ma jintlaħaqx b’mod matematiku iżda ai fini ta’ żamma ta’ imparzjalità. L-Awtorità qed tara li jingħata ammont ta’ ħin biex jiġu ribattuta l-kummenti li ssemmew f’dan ir-reklamar.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet u fid-dawl ta’ deċiżjonijiet passati li ħadet l-Awtorità fuq l-istess suġġett, l-Awtorità qed tilqa’ dan l-ilment. L-Awtorità qed:-

  • tordna lill-PBS jalloka 15-il minuta ta’ spots, liema spots għandhom ikunu ta’ 30 sekonda-il wieħed;
  • iridu jiġu identifikati bħala produzzjonijiet tal-PN permezz ta’ logo;
  • il-produzzjoni trid tiġi approvata mill-Awtorità tax-Xandir u trid tkun qed twieġeb direttament u strettament dawk il-kummenti li jiffurmaw parti mir-reklamar politiku;
  • dawn għandhom jibdew jiġu mxandra mhux qabel 5 ijiem minn mindu tiġi mħabbra din id-deċiżjoni u l-ispots iridu jiġu mxandra fuq perjodu ta’ ġimgħatejn;
  • dawn l-ispots għandhom jixxandru fil-brejk tal-bulettin tal-aħbarijiet tat-8pm hekk kif qed tordna u tidderieġi l-Awtorità;
  • dawn l-ispots ikunu qed jidhru kemm fuq TVM kif ukoll fuq TVMNews+;
  • qabel ma jixxandar l-ispot għandha tittella’ caption kif ġej:- Dan ir-reklam qed jixxandar fuq struzzjonijiet tal-Awtorità tax-Xandir wara lment tal-PN.
  • dawn l-ispots se jkunu qed jgħaddu għand il-PBS mill-Awtorità tax-Xandir.
  • il-PBS għandu jobbliga ruħu li jxandar dawn l-ispots minn dik il-ġurnata li jaslu għandu.

1 ta’ Novembru 2021