TVM - Ħadd Għalik - 19 ta' Mejju, 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM  dwar il-programm Ħadd Għalik li xxandar fid-19 ta’ Mejju, 2013 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 6.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar, Sponsorships u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku meta l-istazzjon xandar reklam ta’ Tex-Mex li kien jinkludi promozzjoni għal cocktails (two for one) kuljum bejn it-3p.m. u s-7.00p.m.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Mario Mario f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fil-25 ta’ Ġunju, 2013, li min naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża ddikjara li dan kien żball tal-istazzjon, liema żball kien riżultat tal-fatt li l-proċeduri interni mħaddma mill-istess stazzjon sabiex jipprevjenu tali nuqqasijiet ma ħadmux b’mod effettiv.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjoni tal-partijiet inkluż l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon.  L-Awtorità tqies dan in-nuqqas wieħed ta’ gravità minħabba li l-liġi tipprojbixxi kull reklamar li jħajjar lit-telespettatur għal konsum akbar ta’ alkoħol u l-fatt li dan ir-reklam intwera f’ħin li jkunu qed isegwu l-progamm anke telespettaturi ta’ età vulnerabbli.  Ma kienx hemm dubju  li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u stante il-gravità tal-każ u l-fatt li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ ksur dwar il-provvedimenti tal-liġi tax-xandir f’dan il-progamm, iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ €1,160 liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.

In oltre l-Awtorità iddiriġiet lill-istazzjon jieħu l-miżuri neċessarji sabiex tali nuqqas ma jiġix ripetut.

Illum 1 ta’ Lulju, 2013