Radju Malta - Familja Waħda - 4 u 7 t'Awwissu 2017




Akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd rigward il-programm Familja Waħda fuq Radju Malta


L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Radju Malta rigward l-edizzjonijiet tal-programm Familja Waħda li xxandru fl-4 u s-7 t’Awwissu, 2017 fejn kien allegat ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt ir-rokna li kellha tkun rokna informattiva is-Sur David Spiteri għamel referenzi u promozzjoni biex wieħed jixtri il-prodotti bl-isem ta’ Healthy Mega.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon li kien akkumpanjat mis-Sinjura Lilian Mestre produttur tal-programm, f’seduta li nżammet fit-13 ta’ Settembru, 2017.

Minn naħa tiegħu s-Sur Micallef filwaqt li ammetta l-akkuża qal li dan kien żball kbir u l-produttriċi kienet ġiet ingannata mill-mistieden li kien saħaq li l-food supplements li tkellem dwarhom kienu jiġu prodotti minn diversi ditti u għalhekk ma kien hemm xejn ħażin li dawn jissemmew.

Is-Sinjura Mestre filwaqt li kkorraborat dak li kien intqal mis-Sur Micallef saħqet li qatt ma kellha problemi fil-passat u għaliha dan il-każ kien riżultat ta’ nuqqas ta’ għarfien u fiduċja żejda.

L-Awtorità wara li rat id-dokumentazzjoni relattiva u ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u in vista tal-fatt li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istess stazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

Illum it-3 t’Ottubru, 2017