Radju Leħen il-Belt Ġorġjana - Effective Radiated Power




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Leħen il-Belt Ġorġjana dwar l-Effective Radiated Power fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 10(10) tal-Att Dwar ix-Xandir, meta minn rapporti tal-Awtorità dwar il-Komunikazjoni, kien jidher ċar li t-trasmissjonijiet tal-istazzjon kienu eċċedew il-qawwa tas-sinjal kif indikati fil-liċenzja rispettivi.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mark Cremona f’isem l-istazzjon, li filwaqt li ammetta l-akkuża kontra l-istazzjon, ikkontenda illi min-naħa tiegħu l-istazzjon kien konxju li kienet teżisti problema teknika fl-antenna u l-cables u kien diġa ħa miżuri bl-għajnuna ta’ tekniċi mill-Awtorità dwar il-Komunikazzjoni (MCA) sabiex din il-problema tiġi riżolta. Żied li bl-assistenza tal-istess tekniċi it-transmitter kien ġie issettjat mill-ġdid u dan sabiex il-parametri ta’ qawwa tas-sinjal imfissra fil-liċenzja jiġu rispettati pjenament.

L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon, iddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata, madankollu, peress li l-istazzjon ħa dawk il-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizza ruħu mal-kundizzjonijiet tal-liċenzja u peress Ii din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon. L-Awtorità iddiriġiet li l-istazzjon kellu jirrimborsa is-somma ta mija u ħmistax-il Ewro (€115) lill-Awtorità rappreżentanti l-ispejjeż marbutin mat-testijiet li kienu twettqu mill-MCA.