Power FM - 16 ta' Lulju 2010




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li l-istazzjon Power FM kiser l-Artiklu 10(10) tal-Att dwar ix-Xandir, Paragrafu 4 tal-istess Att, kif ukoll tal-Paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar il-Prezz tat-telefonati u SMSs fil-Mezzi tax-Xandir, meta l-istazzjon kien qiegħed ixandar reklami ta’ stabbilimenti kummerċjali li kienu sitwati barra l-lokalità li fih kien ixandar, waqt xi programm kienet qed issir taħlita bejn element reklamatorju u l-kontenut tal-programm u ma kienx qed jiġi komunikat b’mod adegwat il-prezz tal-SMSs.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lid-Detentur tal-liċenzja s-Sur Emanuel Spiteri li min naħa tiegħu ikkontenda illi hekk kif ġie infurmat bin-nuqqasijiet ħa l-miżuri opportuni sabiex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet illi dwar il-ksur ta’ Artiklu 10(10) tal-Att dwar ix-Xandir ma kellhix raġuni li ma temminx il-verżjoni tas-Sur Spiteri,  fir-rigward tal-prezz tal-SMSs l-Awtorità qablet li bħal f’każi preċedenti peress li sadakinhar tal-każ ma kienx hemm direzzjoni ċara dwar kif kellha tixxandar din l-informazzjoni ma kellhix tipproċedi ulterjoralment kontra l-istazzjon. 

L-Awtorità iddeċidiet illi dwar in-nuqqas ta’ separazzjoni bejn reklamar u l-kontenut tal-programmi l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati, iddeċidiet li twissi lill-istazzjon sabiex tali aġir ma jirrepetix ruhu. 

Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità saħqet illi l-istazzjon jibqà dejjem responsabbli għall-imġieba tal-kontributuri / impjegati u kif ukoll għall-kontenut imxandar, u in vista ta’ rimarki fil-monitoring report l-Awtorità ġibdet l-attenzjoni tal-istazzjon għan-nuqqas ta’ kontenut konness mal-komunità li fiha kien ixandar u ddiriġiet li l-istazzjon jieħu l-miżuri neċessarji sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.