ONE - Liquorish - 14 ta' Mejju u 5 ta' Ġunju 2012




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-programm Liquorish li xxandar fl-14 ta’ Mejju u fil-5 ta’ Gunju fejn ġie allegat li kien hemm ksur tal-provvedimenti dwar tqegħid ta’ prodott u ċioe Artiklu 16M (3)(b) u (c) tal-Att dwar ix-Xandir meta fil-programmi intwera banner ta’ sponsor li kien meqjus li jikkostitwixxi prominenza mhux dovuta, ingħatat prominenza viżiva li turi ismijiet tal-prodotti u saru kummenti favorevoli dwar il-prodott waqt xeni li kienu juru l-parteċipanti jogħmodu ċ-Chewing Gum, u jieklu gallettini ta’ ditta partikolari.  In oltre il-prezz tal-SMSs fuq l-iskrin ma kienx jingħaraf biżżejjed u dan bi ksur tal-paragrafi 2.1 u 2.3 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.27 li tirregola l-Prezz tat-Telefonati u l-SMSs, filwaqt li fl-edizzjoni tal-programm tal-5 ta’ Ġunju 2012 inqabeż il-ħin konsentit għal reklamar f’siegħa orarja meta xxandru 14-il minuta u 47 sekonda u dan bi ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lil Ms Ruth Vella li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, u lill-produttur tal-programm is-Sur Warren Brimmer bħala xhud rikjest mill-istazzjon f’seduta li nżammet fit-3 ta’ Lulju, 2012.

Ms Ruth Vella ammettiet li l-eċċess ta’ reklamar f’siegħa orarja kien żball minn naħa tal-istazzjon u li ma kellux isir.

Minn naħa tiegħu s-Sur Brimmer qal li minnu nnifsu l-programm kien jirrikjedi tqegħid ta’ prodott u tenna li fil-każ dwar iċ-Chewing Gum tad-ditta Orbit l-importaturi ma kienux klijenti tiegħu u għalhekk ma kien hemm l-ebda interess li jingħataw exposure għajr il-valur intrinsiku u editorjali tal-viżwal fil-kuntest taċ-ċirkostanzi li fihom kienu jinsabu l-parteċipanti.  Dwar il-banner, il-produttur ammetta li l-wiri tiegħu fil-programm kien intenzjonat u li dan l-aġir seta’ jitqies bħala undue prominence.

Dwar il-prezz tal-SMSs, is-Sur Brimmer qal li l-grafika utilizzata fil-programm kienet ġiet immudellata fuq dak li jsir fl-edizzjoni tal-Grande Fratello fil-Germanja u l-qies tal-istess kien standard aċċettat barra minn Malta.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-rapporti relattivi, ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u peress li l-akkuża kienet tinkludi diversi ksur tal-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità ddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ elfejn tliet mija u tletin Ewro (€2330) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data ta’ din in-notifika.

11 ta' Lulju 2012