ONE - Mad-Daqqa t’Għajn - 10 u 17 ta' Settembru 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar l-edizzjonijiet tal-programm Mad-Daqqa t’Għajn li xxandru fl-10 u s-17 ta’ Settembru, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt il-programm tal-10 ta’ Settembru is-Sur Mario Vella deher liebes beritta bil-kelma Mikado stampata fuqha meta l-istess ditta kienet waħda mill-isponsers.  Fl-istess programm waqt ir-rokna tat-tisjir dehret is-Sinjura Marija Muscat, propjetarja tar-ristorant Ta’ Marija, u l-istess persuna li kienet dehret fir-reklam għall-istess risrorant.  Fil-programm tas-17 ta’ Settembru kien hemm intervista ma’ Salvu u Mari filwaqt li xxandar reklam għall-prodotti Ta’ Salvu u Mari.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella Micallef li dehret għan-nom u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sur Emy Farrugia li deher għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fl-14 t’Ottubru, 2014.

Minn naħa tagħhom kemm l-istazzjon u kif ukoll is-Sur Farrugia saħqu li kienu għamlu ħilithom kollha sabiex ir-reklami jkunu distinti mill-irkejjen relattivi fil-programm u dan billi r-reklami xxandru fil-bidu u fl-aħħar tal-programm.  Minn naħa tiegħu s-Sur Farrugia qal li minħabba ċ-ċokon ta’ Malta kien ferm diffiċli li ma ssirx xi forma ta’ assoċjazzjoni bejn l-isponser/reklami u l-irkejjen informattivi meta l-mistiedna jkunu magħrufa u minħabba li l-programm jixxandar darba fil-ġimgħa ma kienx possibbli għalih li r-reklam jixxandar f’ħin distint mill-programm.  
  
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u nnotat li l-istazzjon seta faċilment isolvi l-problema tal-producer tal-programm billi jagħti permess li r-reklam jixxandar wara li jkun konkluż il-programm, u filwaqt li rriaffermat il-ħtieġa li l-istazzjon jirrispetta b’mod evidenti u sħiħ id-distinzjoni bejn l-element promozzjonali u l-kontenut tal-programm, iddeċidiet li l-akkuża kienet tirriżulta u minħabba li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur fir-rigward ta’ dan il-programm,  imponiet il-penali ta’ €1,160 li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.

Illum 22 t’Ottubru, 2014