ONE - Kilo Challenge




Deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar Ilment rigward il-programm Kilo Challenge

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mingħand Ms Rose Hili dwar  il-programm Kilo Challenge li jixxandar fuq ONE.  L-Awtorità semgħet lil Ms Ruth Vella għan-nom tal-istazzjon, is-Sinjura Rose Hili, Ms Antonella Vassallo il-produttriċi u l-preżentatriċi tal-programm u s-Sinjuri Pauline Falzon u Phylisienne Brincat bħala xhieda tal-istess produttriċi f’seduti li nżammu fil-25 ta’ Settembru u fit-2 t’Ottubru,  2012.

Ms Hili filwaqt li tkellmet fid-dettal dwar il-parteċipazzjoni tagħha f’din l-edizzjoni tal-programm, inkluż ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-parteċipanti u l-produttriċi, spjegat kif hi ħassitha li kienet ġiet ingannata mill-preżentatriċi/produttriċi fi tmiem il-programm meta premju li kellu jkun assenjat lir-rebbieħa ma ngħatalhiex.

Ms Antonella Vassallo filwaqt li rreferiet għall-kuntratt iffirmat bejnha u l-parteċipanti, liema kuntratt kien esebit elenkat fid-dettal il-proċedura abbinata mal-ingaġġ ta’ parteċipanti u r-regoli li dawn jiġu obbligati josservaw.  Żiedet li qabel il-programm ma jingħataw l-ebda dettalji dwar ir-rigali u l-premijiet li jkunu ser jirċievu l-parteċipanti, madanakollu dawn ikunu infurmati dwar is-servizzi u t-terapiji b’xejn li jkunu intitolati għalihom tul il-programm.

Ms Vassallo infurmat lill-Bord dwar il-każ marbut ma’ laptop li s-Sinjura Hili allegat li kien imwiegħed li jingħata lir-rebbieħa tal-programm u li minflok ingħata lill-parteċipanta li kienet ħadet l-akbar ammont ta’ udjenza tul is-sensiela tal-programm.  Żiedet li kien minnhu li fil-bidu tal-programm dan kienet wiegħditu lir-rebbieħa iżda wara bidlet il-ħsieb peress li għall-finijiet tal-programm kien jeħtieġ li l-parteċipanti jimpenjaw ruħhom aktar sabiex tikber l-udjenza fl-istudjo.

Ms Vassallo qalet li din il-bidla kienet ġiet ikkomunikata lill-parteċipanti on air aktar minn darba u li skont hi kienet leġittima peress li fil-kuntratt bejn il-partijiet (i) hi kellha d-diskrezzjoni timponi obbligi u tieħu dawk id-deċiżjoni neċessarji għall-ġid tal-produzzjoni u (ii) fl-istess kuntratt ma kien hemm l-ebda referenza speċifika għar-rigali u l-premijiet.

Meta ssejħet biex tixhed is-Sinjura Pauline Falzon ikkonfermat li fil-fatt kienet hi li ġiet mogħtija l-laptop bħala premju minħabba li hi kienet ġabet l-akbar numru ta’ nies bħala udjenza. Hija kkonfermat ukoll li matul is-sensiela tal-programm kienet fehmet b’mod ċar dak li kienet qed tgħid il-preżentatriċi fir-rigward ta’ min kien ser jirbaħ il-laptop, cioè dik il-parteċipanta li kienet ser iġġib l-akbar numru ta’ nies għall-udjenza.

Ms Phylisiene Brincat li kienet ukoll parteċipanta fil-programm ikkonfermat waqt ix-xhieda tagħha dak li sostanzjalment qalet is-Sinjura Falzon u minħabba li hi ma setgħatx iġġib numru ta’ nies għall-udjenza ma ppretenditx li kellha ċans tirbaħ il-laptop.

L-Awtorità ddiskutiet fit-tul dan il-każ wara li reġgħet semgħet lil Ms Rose Hili, u x-xhieda ta’ Ms Antonella Vassallo, Ms Pauline Falzon u Ms Phylisienne Brincat.  L-Awtorità rat kopja tal-kuntratt relattiv u kif ukoll it-traskrizzjoni ta’ siltiet mill-programm rigwardanti l-għoti tal-premjijiet u wara li ħadet konjizzjoni tal-provvedimenti tal-Ħtiġijiet relattivi iddeċidiet li l-ilment tas-Sinjura Hili ma kienx jirriżulta u dan peress li:

  1. ir-relazzjoni bejn il-kontestanti u l-producers tal-programm kienet toħroġ minn-kuntratt iffirmat bejn iż-żewġ partijiet liema kuntratt hekk kif iffirmat mill-parteċipanti kollha ma kienx jindika b’mod ċar x’kien il-premju u lil min kien ser jingħata il-premju in kwistjoni,
  2. l-istess kuntratt li ġie iffirmat mill-parteċipanti, inkluża s-Sinjura Rose Hili, jagħti d-dritt lill-preżentatriċi li tagħmel dawk il-kundizzjonijiet li jidhrilha li huma meħtieġa matul il-programm,
  3. tul is-sensiela,  kien hemm fil-fatt tibdil fil-kundizzjonijiet rigwardanti l-premijiet, u jirriżulta mingħajr dubju li l-preżentatriċi kienet għamlitha ċara li l-premju kien ser jingħata lil dik il-parteċipanta li jkollha 'l aktar udjenza fl-istudjo. 

Madanakollu, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, u wara li semgħet minn dawk involuti dettalji dwar il-mod kif tmexxa l-programm, partikolarment fejn jirrigwardja l-għoti ta’ premijiet lill-parteċipanti, l-Awtorità dehrilha li kellha tiġbed l-attenzjoni tal-istazzjon għall-fatt li dan naqas serjament milli jaderixxi mal-obbligi tiegħu bħala stazzjon ai termini tal-Ħtiġijiet dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premijiet, u naqas milli jfittex li jkun infurmat bid-dettalji tal-kuntratt iffirmat bejn il-produttriċi u l-parteċipanti.

9 t’Ottubru, 2012