ONE - HOPE #Missionfest - 19 Marzu 2012




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-Maratona Hope #missionfest li xxandret fid-19 ta’ Marzu, 2018

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-maratona HOPE#Missionfest li xxandret fid-19 ta’ Marzu, 2018 fejn ġie allegat ksur Artiklu 23(5) tal-Att dwar ix-Xandir u ċ-Ċirkulari 13/17 ta’ nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Diċembru 2017 meta l-istazzjon effettwa tibdil fl-iskeda tal-programmi mingħajr ma informa lill-Awtorità tax-Xandir u għaldaqstant lanqas ingħatat l-approvazzjoni għal dan.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lill-Ms Ruth Vella Micallef li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fid-9 ta’ Mejju, 2018, li minn naħa tiegħu saħaq illi fiċ-ċirkostanzi tal-każ u peress li l-problema kienet waħda komuni għal min xandar il-maratona, kien importanti li l-Awtorità ssejjaħ lill-istazzjonijjiet kollha. Żied li huwa kien konxju mill-provvedimenti tal-liġi pero kkontenda li fil-prattika li stazzjon jinforma lill-Awtorità qabel it-tibdil/ċaqlieq fl-iskeda mhux dejjem ikun possibbli.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon, u ddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas. In oltre l-Awtorità saħqet fuq l-importanza li l-istazzjonijiet josservaw il-provvedimenti tal-liġi u sakemm iċ-ċirkostanzi jippermettu, jinfurmaw lill-Awtorità b’tibdil fl-iskeda.

In oltre u b’mod ġenerali l-Awtorità kkummentat fuq il-kwalità xi drabi xejn professjonali ta’ xi wħud minn dawn ix-xandiriet u nnutat li fil-fatt n-numru tagħhom kien qiegħed jiżdied.

Illum 25 ta’ Mejju, 2018