ONE - Arani Issa - 1 ta' Diċembru 2018




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm
Arani Issa li xxandar fl-1 ta’ Diċembru, 2018

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm Arani Issa li xxandar fl-1 ta’ Diċembru, 2018, fejn ġie allegat ksur ta’ tal-L.S. 350.24, Ħtiġiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar, Sponsorship u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku u bi ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta qabel dan il-programm ixxandar reklam tal-La Vallette (inbid) (20:30:58). Il-programm Arani Issa kien ukoll sponsorjat minn Marsovin bil-caption card turi d-ditta La Vallette (20:33:40). Dawn iż-żewġ istanzi xxandru bi ksur ta’ Par 2.1 u 2.2 tal-L.S. 350.24, Ħtiġiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar, Sponsorship u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku peress li xxandru bejn 06:00 u 21:00. Matul dan il-programm żewġ mistednin ingħataw rigal mingħand Centro Moda (20:59:40). F’din il-parti, it-telespettaturi setgħu jaraw diversi lbiesi li jinsabu għall-bejgħ mingħand dan il-ħanut bil-premessa li setgħu jintagħżlu bħala rigal mill-mistednin. Permezz ta’ dan it-tip ta’ filmat it-telespettaturi raw ħafna iktar mir-rigal li kienu qed jingħataw il-mistednin. Barra minn hekk, iktar tard fil-programm ixxandar messaġġ promozzjonali fejn il-preżentatur Joseph Chetcuti deher propju fl-istess post tal-istess ħanut jippromwovi d-ditta Centro Moda. Dan sar bi ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil-Ms Ruth Vella, f’isem ONE Productions u lil Dr Joseph Chetcuti f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-17 t’April, 2019 li minn naħa tiegħu filwaqt li saħaq li fl-ebda każ ma kien hemm xi intenzjoni li tinkiser il-liġi u fil-każ ta’ l-inbid La Vallette u l-isponsorship tal-Marsovin huwa kien tkellem mal-uffiċċjali tad-Dipartiment tas-Sales madanakollu minħabba li kien hemm tibdil fl-istaff irriżultaw żbalji fl-iskedar tar-reklami.

Dr Chetcuti qal li fir-rigward tal-parti tar-rigali minn Centro Moda l-isponsor tar-rigal tagħt informazzjoni dwar l-istess għall-benefiċċju tat-telespettatur.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li rat il-filmat relattiv ddeċidiet li fiż-żewġ istanzi l-akkuża kienet ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi l-penali relattiva ridotta ta’ €1750 liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika. L-Awtorità irrilevat illi fil-każ ta’ rigali l-informazzjoni mogħtija kellha tkun konnessa esklussivament mar-rigal u xejn aktar.

Illum is-7 ta’ Mejju, 2019