Net TV - Tour du Ron - 20 u 27 ta' Jannar u 3 u 17 ta' Frar 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV  dwar l-edizzjonijiet tal-programm Tour Du Ron li xxandru fl-20 u fis-27 ta’ Jannar, kif ukoll fit-3 u fis-17 ta’ Frar, 2014, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’  Artiklu 16M (3)(c) tal-Att dwar ix-Xandir, kif ukoll ta’ paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta f’numru ta’ okkażjonijiet u b’diversi modi ingħatat prominenza żejda għall-isponsor tal-programm (Virtu Ferries) u kif ukoll peress li fil-programm tas-17 ta’ Frar 2014 l-istazzjon eċċeda l-massimu ta’ 12-il minuta reklami konsentit bil-liġi.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring li kienet qed tressaq l-akkużi fl-assenza tal-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Karl Gouder Media Manager u lis-Sur Josef Fitzpatrick f’isem u in rappreżentanza ta’ media.Link Communications.

Minn naħa tiegħu is-Sur Karl Gouder dwar l-ewwel parti tal-akkuża kkontenda illi ma kienx qed jaqbel li f’dawn il-programmi kien hemm prominenza żejda.  Żied li n-natura tal-programm kienet titlob li jintwerew ċerti shots madanakollu fl-ebda mument ma kienet l-intenzjoni tal-istazzjon li jikser il-provvedimenti tal-liġi jew li jagħti vantaġġ kummerċjali lill-isponsor.

Dwar it-tieni parti tal-akkuża li kienet tikkonċerna l-eċċess ta’ reklamar, s-Sur Gouder irrileva li dan in-nuqqas kien riżultat tal-fatt li kien iċċaqlaq il-ħin skedat għall-programm ta’ qabel bil-konsegwenza li kien hemm spustjar tal-ħin tar-reklami.  Żied li dan il-każ kien wieħed inċidentali u mhux relatat mal-programm innifsu. 

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet ikkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed biex l-istazzjon jinstab ħati ta’ ksur tal-Artiklu 16(M) (3)(c) tal-Att dwar ix-Xandir, u dan minħabba li aċċettat it-teżi tad-difiża li n-natura tal-programm innifsu kienet tirrikjedi li jiġu murija dettalji tal-mod tat-trasport użat. 

Rigward l-allegat ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir, l-Awtorità aċċettat ir-raġuni  li ressaq l-istazzjon f’dak li jirrigwarda l-ammont ta’ ħin ta’ reklamar matul siegħa orarja u għalhekk ma ħassietx li għandha tieħu azzjoni ulterjuri f’dan ir-rigward għalkemm fl-istess ħin wissiet lill-istazzjon fl-obbligi li għandu skont il-liġi biex l-ammont ta’ ħin allokat għal reklamar f’kull siegħa jiġi osservat, u li jekk jirriżultaw każijiet simili fil-futur tieħu dawk il-passi kollha skont il-liġi.

Illum l-1 t’Awwissu, 2014