Net TV - Sorsi Infurmati - 23 ta' Jannar 2019




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ Net TV rigward il-programm
Sorsi Infurmati li xxandar fit-23 ta’ Jannar, 2019

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Net TV rigward il-programm Sorsi Infurmati li xxandar fit-23 ta’ Jannar, 2019, fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 6.1 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li japplikaw għal Bulettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti, meta fl-aħħar feature ta’ dan il-programm ixxandret silta awdjo-viżiva b’filmat sfukat li seta’ ta l-impressjoni li kien il-filmat oriġinali ta’ dak li seħħ waqt riċeviment tal-Bank Ċentrali. Minħabba li fl-ebda ħin ma kien hemm indikat li dan huwa materjal rikostitwit u ma kien hemm l-ebda indikazzjoni bil-kliem ‘Dramatizzazzjoni’.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Pierre Portelli f’isem Medialink, f’seduta li nżammet fis-17 t’April, 2019, li minn naħa tiegħu qal li fl-ebda ħin waqt il-feature ma kien intqal li l-materjal kien attwali. Żied li kieku l-filmat kien jikkostitwixxi l-prova priċipali tal-każ allura dan kien ikun ċar u mhux sfukat.

Is-Sur Portelli qal li minbarra hekk il-kant fil-feature ma kienx jaqbel mal-filmat u l-ġesti ta’ dawk li kienu jidhru fl-istess u in oltre hekk kif ġie rilevat il-każ, l-istazzjon mill-ewwel għamel kjarifika fejn intqal li dak kien filmat rikostitwit.

Is-Sur Portelli filwaqt li ammetta li l-istazzjon kien imissu ħa l-prekawzjoni u inkluda n-notifika fuq l-iskrin, saħaq li ġimgħa wara l-istess stazzjon kien ippreżenta b’mod ċar dak li kien verament ġara u spjega l-każ u l-pożizzjoni tiegħu.

L-Awtorita’ ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi l-penali ridotta relattiva ta’ (€350) liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.


Illum it-3 ta’ Mejju, 2019