Galaxy Radio - Transmissions - 28 u 29 Lulju 2017




Deċiżjoni dwar Akkuża fil-konfront ta’ Galaxy Radio rigward it-trasmissjonijiet tat-28 u d-29 ta’ lulju, 2017

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Radio Galaxy rigward trasmissjonijiet tat-28 u d-29 ta’ Lulju, 2017 meta l-istazzjon irreklama negozji li kienu jaqgħu barra mill-akkwata ta' fejn kien qed ixandar l-istazzjon. Dan ix-xandir ma kienx konformi ma' Paragrafu 3 (3) hekk kif indikat fil-liċenzja u konsegwentement kiser paragrafu 2(a)(ii) tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Manuel Chircop detentur tal-liċenzja li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fl-20 ta’ Settembru, 2017.

Minn naħa tiegħu s-Sur Chircop saħaq li huwa dejjem għamel ħiltu biex isegwi l-obbligi u l-kundizzjonijiet tal-liċenzja.

Is-Sur Chircop filwaqt li ammetta li kien xandar reklami minn lokalitajiet differenti huwa saħaq li fil-passat huwa ingħata l-interpretazzjoni u fehem li seta’ jxandar reklami ta’ stabbilimenti kummerċjali li kellhom preżenza fil-lokalità li għaliha kien ixandar, minkejja li dawn kienu stabbiliti f’lokalitajiet oħra aktar imbiegħda. Żied li jekk din l-interpretazzjoni kienet żbaljata allura kellu jingħata gwida aktar preċiża u ċara.

L-Awtorità ddiskutiet fit-tul dan il-każ u l-implikazzjonijiet tiegħu partikolarment l-ispirtu tal-liġi fil-kuntest ta’ definizzjoni kontestatat ta’ x’jikkostitwixxi komunità u lokalità. Dwar dan il-każ l-Awtorità ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u peress li din kienet l-ewwel darba qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali nuqqasijiet. In oltre l-Awtorità ddiriġiet li minnufih kellhom jitħejjew linji gwida dwar kif id-diverġenza fl-interpretazzjoni kellha tiġi indirizzata.


Illum il-5 t’Ottubru, 2017