Favourtie Channel - Sfera - 30 ta' Marzu 2012




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Favourite Channel dwar il-programm Sfera tat-30 ta’ Marzu, 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 13(2)(f) u Paragrafu 12.2 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 (Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika li japplikaw għal Bullettini tal-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti) meta filwaqt li fl-imsemmi programm kien mistieden u ġie intervistat il-Kap tal-Oppożizzjoni sa dakinhar, ma kienitx saret intervista simili mal-Prim Ministru, u dan bi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar bilanċ u imparzjalità.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sinjuri Virgilio Pirrone u Kevin Mercieca li dehru għall-istazzjon, f’seduta li nżammet fil-5 ta’ Ġunju, 2012.  Ir-rappreżentanti tal-istazzjon ikkontendew li minn naħa tagħhom kienu saru stediniet kemm lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni madanakollu filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien laqgħa l-istedina, fil-każ tal-Prim Ministru, ma kienitx ingħatat risposta u għalhekk fiċ-ċirkostanzi, kien ġie deċiż li l-programm mal-Kap tal-Oppożizzjoni jsir xorta waħda.

Is-Sur Mercieca qal li l-produzzjoni baqgħet tinsisti għal intervista mal-Prim Ministru u fil-fatt dan il-programm kellu jsir fid-29 ta’ Ġunju, 2012.

In vista ta’ dan l-iżvilupp l-Awtorità iddikkjarat li fiċ-ċirkostanzi ma kienitx ser tkompli tipproċedi bil-każ, u talbet li tkun esebita kopja tal-korrispondenza li l-istazzjon bagħat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

11 ta' Ġunju 2012