Favourite Channel - Trasmissjoni tal-25 ta' Mejju 2012




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Favourite Channel rigward it-trażmissjoni tal-25 ta’ Mejju 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta l-istazzjon eċċeda il-limitu konsentit ta’ 12-il minuta reklamar f’siegħa orarja, meta bejn is-19.00 u t-20.00 dan kellu 16-il minuta ta’ reklami.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Virgilio Pirrone li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fit-3 ta’ Lulju, 2012, li min naħa tiegħu, f’dan il-każ ukoll, filwaqt li ammetta l-akkuża attribwixxa l-ksur tal-liġi għal żball uman minn naħa tat-transmission operator.

F’dan l-istadju ċ-Chairman filwaqt li rrefera wkoll għall-akkuża dwar il-programm Jien u Int tal-31 ta’ Mejju, 2012, trattata fl-istess seduta, qal li ma kienx aċċettabbli li stazzjon nazzjonali bl-istatus ta’ GIO ikun totalment dipendenti fuq transmission operator.  Żied li din ma kienitx l-ewwel darba u kienet qed issir abitudni li l-istazzjon jitressaq quddiem l-Awtorità minħabba nuqqasijiet ta’ dan it-tip.

Iċ-Chairman qal li r-responsabbiltà tal-istazzjon ma kienitx qed tkun apprezzata biżżejjed u dan l-aġir ma kienx aċċettabbli.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni tal-istazzjon, saħansitra f’dan il-każ, iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u f’dan il-każ iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ €1,160, liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.

11 ta' Lulju 2012