F Living -In Depth - 13-24 ta’ Mejju 2017




Akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward l-Edizzjonijiet tal-programm In Depth li xxandru fit-13, 15, 20 u 24 ta’ Mejju, 2017


L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward il-programm In Depth, fejn ġie allegat li l-istazzjon naqas li jaderixxi ma’ Artiklu 3(2) tad-Direttiva peress li ma ssottomettiex għall-approvazzjoni tal-Awtorità tibdil fl-iskeda u dan billi xandar il-programm In Depth mill-inqas f’dawn id-dati: fit-13, 15, 20 u 24 ta’ Mejju 2017.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Gilio Pirrone li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fl-4 ta’ Lulju, 2017 li minn naħa tiegħu ikkontenda li dan il-programm kien ilu jixxandar bħala parti mill-iskeda tal-istazzjon sitt xhur qabel u kien għalhekk li dan ma ġiex indikat meta mitlub – għax diġa kien ilu jixxandar u ma kienx programm ġdid. Żied li dan kien żball ġenwin u ma kien hemm l-ebda aġenda politika in oltre tenna li dwar dan il-programm huwa kien tkellem mal-Kap Eżekuttiv.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u filwaqt li qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ erbat elef sitt mija u sittin Euro (€4660) liema penali kienet qed tiġi sospiża għal sentejn. In oltre l-Awtorità ħasset li kellha tiġbed l-attenzjoni tal-istazzjon biex tali ksur ma jirrepetix ruħu, u żiedet li ser tibqa’ tkun viġilanti biex tassigura li l-provvedimenti tal-Liġi jkunu osservati.

Illum 21 ta’ Lulju, 2017