F Living - F Living Show - 14, 15, 17 u 18 t’Ottubru, 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ F Living dwar l-edizzjonijiet tal-programm F Living Show li xxandru fl-14, 15, 17 u 18 t’Ottubru, 2013 fejn ġie allegat  ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir għall-ksur elenkati bħala (a) u (b) u ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta:

a) bejn is-1.00p.m. u s-2.00p.m. nhar l-14 t’Ottubru, l-istazzjon xandar total ta’ 14-il minuta u 12-il sekonda ta’ reklamar;
b) bejn is-1.00p.m. u s-2.00p.m. nhar il-15 t’Ottubru, l-istazzjon xandar total ta’ 16-il minuta u 2 sekondi ta’ reklamar;
c) nhar is-17 t’Ottubru, għall-ħabta tat-3.03p.m. waqt l-aħħar parti fil-kċina, il-kok li kien qed jippreżenta qal dawn il-kliem: “this is what we try to do at Paulus Restaurant – refreshing, effective and you don’t want to have heavy food. It’s a healthy food.”;
d) nhar it-18 t’Ottubru, waqt ir-rokna tal-kċina, il-kok mistieden (Tony) ġie identifikat bħala Tony mill-Plaza Hotel u saħansitra rrefera wkoll għas-servizz tas-Sunday Lunches li jsiru fil-lukanda Plaza.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Virgilio Pirrone u lis-Sur Karl Bonaci u  f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon li minn naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża kontriħ qal li l-kummenti tax-Chef waqt il-programm ma kienux ippjanati u kienu ta’ sorpriża għalih tant li fixkluħ u dan minkejja li l-istazzjon kien ħa l-miżuri biex il-parteċipanti fil-programmi kollha jkunu infurmati bil-provvedimenti tal-liġi f’dan ir-rigward.

Is-Sur Bonaci qal li l-ksur tar-regolamenti rigwardanti t-12-il minuta reklamar f’siegħa orarja kien riżultat ta’ żball ġenwin fl-iskedar u assikura lill-Awtorità  li kienu ittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex dan in-nuqqas ma jiġix ripetut.  Żied li fil-frattemp kienet saret laqgħa ma’ Ms Joanna Bugeja, Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring fejn ġew diskussi u ċċarati l-emendi u l-provvedimenti tal-Liġi f’dan ir-rigward.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni min-naħa tal-istazzjon u għaldaqstant iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u qablet li timponi l-penali ridotta ta’ €930 li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.

19 ta’ Novembru, 2013