57/07 - 10Dec2007




Nuqqas ta’ Separazzjoni u Reklamar b’Ħabi

L-Awtorita' qed tinnota li fi programmi televiżivi mhux qed ikun hemm biżżejjed separazzjoni bejn kontenut informattiv u kontenut reklamatorju. Li qed jigri hu li rokna informattiva qed tiġi separata mir-reklami fuq l-istess suġġett tar-rokna informattiva b’jingli biss b’mod li t-telespettatur ftit li xejn ikun jista’ jiddistingwi bejn ir-rokna informattiva u r-reklam abbinat ma’ dik ir-rokna. Fin-nuqqas ta’ separazzjoni ċara u netta bejn ir-rokna informattiva u r-reklam, l-Awtorita' tqis ir-rokna informattiva bħala reklam shih, li r-rokna informattiva tingħad għall-fini tal-kalkolu tat-12-il minuta ta’ reklamar f’siegħa orarja u bħala reklam b’ħabi.

Għalhekk, biex ikun hemm separazzjoni ċara u distinta bejn rokna informattiva u reklam abbinat ma’ din ir-rokna, l-Awtorita' tixtieq tiċċara dan li ġej:

a) is-sett li jintuża fir-rokna informattiva m’għandux ikun is-sett li jintuża fir-reklam li jixxandar wara li tispiċċa r-rokna informattiva;

b) il-prodott li jiġi reklamat wara li tispiċċa r-rokna informattiva m’għandux ikun l-istess prodott imsemmi fir-rokna informattiva;

c) fir-reklam ma tistax issir referenza għall-prodotti li jkunu ntwerew fir-rokna informattiva la mill-preżentatur u/jew mill-mistieden/mistednin;

d) fir-rokna informattiva ma tistax issir referenza la mill-preżentatur u/jew mill-mistieden/mistednin għall-prodotti li jkunu se jissemmew fir-reklami li jsegwu dik ir-rokna;

e) idealment il-parti reklamatorja għandha tkun rekordjata minn qabel.

Dr Kevin Aquilina 
Kap Esekuttiv
10 ta’ Dicembru 2007
Ref 17/62