89.7 Bay - Bay Breakfast with Daniel and Ylenia - 18 t’Ottubru, 2017




Deċiżjoni dwar Akkuża fil-konfront ta’ 89.7 Bay rigward il-programm Bay Breakfast with Daniel and Ylenia li xxandar fit-18 t’Ottubru, 2017

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ 89.7 Bay dwar il-programm Bay Breakfast with Daniel and Ylenia fejn ġie allegat ksur ta’ paragrafu 2.2 u 2.3 tal-Ħtiġiet dwar ir-Reklami, Metodi ta' Reklamar u Direttivi dwar Reklamar ta' Tattoos (Leġislazzjoni Sussidjarja 350.23) meta waħda mill-preżentaturi marret f’tattoo studio biex tagħmel tattoo fil-kuntest ta’ imħatra mal-preżentatur l-ieħor. Matul il-programm kollu, li beda fis-6.30a.m. u ntemm fl-10.30a.m., wieħed seta jsegwi pass pass lil Ylenia waqt il-proċess biex tagħmel tattoo. Lejn l-aħħar tal-programm saħansitra kien intervistat Frans, it-tattoo artist li ħadem fuq it-tattoo ta' Ylenia. In oltre, skont l-akkuża dan l-aġir kien meqjus bħala messaġġ ħażin fuq il-mezzi tax-Xandir, aktar u aktar fi programm li jixxandar filgħodu u li jmur kontra gosti tajbin u deċenza u għaldaqstant, dan jikkostitwixxi wkoll ksur ta' Artiklu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Kevin Decesare bħala detentur tal-liċenzja li kien akkumpanjat mill-Avukat Andrea Gera de Petri u mis-Sinjuri Kevin Decesare Jr u Simon Lumsden, Kap tal-programmi, f’seduta li nżammet fit-13 ta’ Novembru, 2017.

Min-naħa tiegħu is-Sur Decesare qal li minkejja li personalment kellu riżervi dwar ir-rilevanza tar-restrizzjonijiet imposti fl-imsemmija leġislazzjoni fil-kuntest lokali odjern, din l-akkuża ma kinitx qed tiġi kontestata.

Dr Gera de Petri qal li l-istazzjon bħal ma kien jagħmel dejjem kien tkellem ma’ uffiċċjali tal-Awtorità dwar dan il-feature fil-programm, madankollu kien jidher li l-istruzzjonijiet ma ġewx interpretati u implimentati sew minn min kien responsabbli fl-istazzjon.

Is-Sur Simon Lumsden min-naħa tiegħu, filwaqt li kkonferma dak li kien qal l-Avukat De Petri, saħaq fuq ir-relazzjoni tajba u l-kollaborazzjoni li kien hemm bejn l-istazzjon u l-uffiċċjali tal-Awtorità. Żied li kien minnu li dwar dan il-każ huwa kien ikkonsulta ma’ uffiċċjali tal-Awtorità u kien hemm skambju ta’ e-mails li jixhed dan, madankollu bi żvista u b’nuqqas ġenwin min-naħa tiegħu ma kienx interpreta sew id-direzzjoni li ngħatat.

Is-Sur Lumsden qal li definittivament dan l-aġir ma kienx intenzjonat u dan il-feature ma kienx parti minn kampanja pubbliċitarja. Żied li dwar dan il-każ ġenwin kien qed jitlob klemenza.

L-Awtorità wara li kkunsidrat is-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon, qablet li din l-akkuża kienet ġiet ippruvata. L-Awtorità nnutat li minkejja l-fatt li uffiċċjali tagħha kienu spjegaw u kkomunikaw mal-istazzjon qabel ix-xandira, il-ksur tal-liġi kien avvera ruħu xorta. L-Awtorità qablet li dan kien nuqqas serju min- naħa tal-istazzjon u ma kellux jiġi trattat b’mod leġġer. In oltre, l-Awtorità qablet li kellha tagħti messaġġ ċar lix-xandara li dan l-aġir ma kienx ser jiġi tollerat u għal dan il-għan iddeċidiet li timponi l-penali relattiva u fl-ammont ta’ €930, liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.


Illum 1 ta’ Diċembru, 2017