19/09 - 10Dec2009




Programmi dwar Servizzi u Prodotti Finanzjarji

Minn stħarriġ li sar mid-Dipartiment tal-Monitoring jidher illi xi produzzjonijiet li jitrattaw speċifikament servizzi jew prodotti finanzjarji qegħdin imorru kontra r-regoli eżistenti dwar reklamar u sponsorship. Għaldaqstant fid-dawl tal-imsemmija regoli u bil-għan li dawn in-nuqqasijiet jieqfu biex programm finanzjaru jikkwalifika bħala programm sponsorjat, l-isem tal-isponsor għandu jissemma biss fil-bidu jew fit-tmiem tal-programm.

Altrimenti, jekk l-isem jidher f’parti jew tul il-programm kollu, jew ikun evidenti li l-kontenut huwa intiż biex jippromwovi xi bank, istituzzjoni finanzjara jew xi prodott jew servizz tal-istess, per eżempju permezz tal-ilbies ta’ min ikun qed jippreżenta jew bl-inklużjoni ta’ sotto-titoli, dan jitqies bħala reklam u għandu jiġi indikat bħala tali bil-kliem “Tagħrif Kummerċjali”. Konsegwentement il-ħin tiegħu jittieħed in konsiderazzjoni għall-fini tar-regola tat-12-il minuta ta’ reklamar f’kull siegħa orarja. L-istess japplika jekk fil-programm jew f’parti minnu jsiru intervisti ma’ mistednin u dawn jiġu identifikati b’isimhom, bil-pożizzjoni li jokkupaw, u l-isem tal-kumpanija li jkunu qed jirrapreżentaw.

L-istazzjonijiet huma mitluba biex jaderixxu ma’ dawn l-istruzzjonijiet sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Diċembru 2009.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
13 ta’ Novembru, 2009
Ref:20/01/2