16/14 - 05 Dec 2014




Ċirkulari 16/14

Ċirkulari lill-Istazzjonijiet tat-Televiżjoni

 

Ċirkulari dwar it-Tqegħid tal-Prodott u l-Isponsorships

Minn żmien għal żmien, l-Awtorità toħroġ kjarifiki u interpretazzjonijiet li jkunu ta’ għajnuna u direzzjoni għall-istazzjonijiet u d-djar tal-produzzjoni sabiex dawn ikunu konformi mal-liġi, speċjalment ma’ dawk il-provedimenti li huma relatati mal-Audio Visual Media Services Directive.

It-Tqegħid tal-Prodott (Product Placement)

Bil-bidliet li saru fl-Att Dwar ix-Xandir, il-product placement sar permissibbli f’ċerti ġeneri ta’ programmi. Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li, bħala prinċipju ġenerali, it-tqegħid tal-prodott huwa projbit u huwa permissibbli biss f’xogħlijiet ċinematografiċi, f’films, f’sensiliet magħmulin għal servizz tal-mezzi awdjoviżivi, fi programmi sportivi u fi programmi ta’ divertiment leġġer. Dan ifisser li f’ġeneri ta’ programmi oħra ma jistax ikun hemm product placement ħlief il-forniment ta’ ċerti prodotti jew servizzi mingħajr ħlas li jintużaw jew għall-armar tal-produzzjoni jew inkella bħala premjijiet.

Għalhekk, l-Awtorità qed tiġbed l-attenzjoni tal-istazzjonijiet biex ma jinkludux product placement f’dawk il-programmi meqjusa bħala magazine. Per eżempju, dawn il-produzzjonijiet ma jistgħux jinkludu prodotti li fihom infushom mhumiex parti integrali mill-programm. Għalhekk, affarijiet bħal, per eżempju, fliexken tax-xorb, inkluż dawk tal-ilma, magni tal-kafe, eċċ ma jistgħux jidhru f’tali programmi. Madankollu, jistgħu jidhru (dejjem jekk mhux bi prominenza) laptops/tablets li jkunu qed jintużaw mill-preżentaturi u prodotti tal-ikel li jkunu se jintużaw waqt xi riċetta.

Peress li fi programmi magħrufa bħala magazine hemm it-tendenza li l-istazzjonijiet jinkludu numru ta’ rkejjen informattivi, stazzjonijiet għandhom jiżguraw li professjonisti li ġejjin minn oqsma differenti m’għandhomx ikunu lebsin ħwejjeġ jew uniformijiet li b’xi mod jagħmlu reklam għad-ditta tagħhom. Madankollu, dawk il-professjonisti, bħal ma huma l-kokijiet, li jirrikjedu lbies professjonali li fih innifsu juri l-isem jew il-logo tal-kumpannija li jkunu qed jirrappreżentaw, jistgħu jagħmlu dan. Mhuwiex permissibbli li jidhru ditti ta’ prodotti f’dawn l-irkejjen informattivi. Dan il-provediment jgħodd ukoll għal dawk l-irkejjen informattivi li jixxandru fi programmi meqjusa bħala ta’ divertiment leġġer.

Infakkarkom li, fost il-provedimenti fl-Att Dwar ix-Xandir li jitkellmu dwar il-product placement, insibu li:

(a) M’għandux ikun hemm inkorraġiment dirett għax-xiri jew kiri ta’ prodotti jew servizzi, b’mod partikolari billi jagħmlu referenzi promozzjonali speċjali għal dawk il-prodotti jew servizzi.

(b) M’għandux ikun hemm prominenza mhux dovuta lill-prodotti li jkunu qegħdin jiġu inklużi fil-programm taħt product placement.

Sponsorship

Hija xi ħaġa komuni li programmi differenti jitwasslu minn numru ta’ sponsors. Sakemm dawn mhux programmi t’aħbarijiet jew ġrajjiet kurrenti, dan jista’ jsir u huwa konformi mal-liġi dment li jiġu mħarsa ċerti prinċipji kif stabbilit f’din iċ-ċirkulari.

Minn moniteraġġ regolari li l-Awtorità, permezz tad-Dipartiment tal-Monitoring tagħha, tagħmel fuq diversi stazzjonijiet tat-televiżjoni, jirriżulta li qed issir xi ħaġa komuni li jkun hemm rokna informattiva li tiġi mwassla minn entità li tkun intriniskament marbuta mas-suġġett li dwaru tkun qed tingħata l-informazzjoni. Hemm ħafna eżempji li wieħed jista’ jikkwota fuq din il-prattika bħal rokna dwar il-ġojjelli li tkun imwassla minn entità li tbiegħ il-ġojjelli jew rokna tal-ivvjaġar li tkun sponsorjata minn kumpannija li toffri l-ġiti.

Dan qed iwassal biex il-kontenut meqjus bħala informattiv jitqies bħala reklamar b’ħabi minħabba l-assoċjazzjoni li tinħoloq bejn l-isponsor u l-parti informattiva. Sabiex jitneħħa kull dubju dwar l-assoċjazzjoni bejn il-parti informattiva u l-isponsor, stazzjon ma jistax ixandar il-caption tal-isponsor qabel jew wara rokna informattiva jekk tali sponsor ikun direttament marbut mal-kontenut tar-rokna informattiva.

Dan ifisser li stazzjon jista’ jxandar rokna informattiva li tkun imwassla minn sponsor li ma jkollu x’jaqsam xejn mal-kontenut. F’każ li jkun hemm assoċjazzjoni, l-istazzjon jista’ jirringrazzja lil tali sponsor lejn tmiem il-programm. Huwa importanti li din il-kjarifika tinġieb għall-attenzjoni tad-djar tal-produzzjonijiet għaliex l-Awtorità se tkun qed tieħu passi kontra dawk l-istazzjonijiet li jkunu qed jiksru dan ir-regolament.

Nieħu din l-opportunità biex infakkarkom li sponsorship għandu jiġi ppreżentat bħala tali permezz ta’ caption bil-logo tal-kumpannija u mingħajr ebda dettal ieħor bħal numri ta’ telephone, websites jew indirizzi.

Infakkarkom ukoll li, skont il-provedimenti tal-AVMS, il-wiri ta’ logo ta’ sponsorships m huwiex permess waqt programmi tat-tfal, dokumentarji u programmi reliġjużi.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv 
5 ta’ Diċembru 2014
Ref 17/62