15/14 - 24 Sep 2014




Ċirkulari 15/14

Ċirkulari lill-istazzjonijiet tat-televiżjoni

Sponsorship

Minn żmien għal żmien, l-Awtorità tħoss il-ħtieġa li tiġbed l-attenzjoni tal-istazzjonijiet tax-xandir dwar provedimenti speċifiċi tal-Att Dwar ix-Xandir.

Issa li dalwaqt jibdew l-iskedi tal-programmi l-ġodda, l-Awtorità qed tidderiġi lil kull stazzjon biex jaderixxi mal-provedimenti marbuta ma’ sponsorship ta’ programmi ta’ aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti.

Skont Artiklu 16L(4) tal-Att Dwar ix-Xandir, dawn il-programmi m’għandhomx ikunu sponsorjati. Spiss jiġri iżda li diversi preżentaturi ta’ programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fuq l-istazzjonijiet televiżivi jirringrazzjaw l-isponsors personali tagħhom. L-Awtorità tifhem li irid jsir ringrazzjament lil dawk il-persuni jew kumpaniji li jkunu taw il-kontribut tagħhom għall-produzzjoni ta’ programm ta’ ġrajjiet kurrenti. Madankollu, l-Awtorità ma tistax tħalli ksur tal-Liġi tax-Xandir dwar sponsorship ta’ dawn it-tip ta’ programmi.

Għalhekk, b’effett minn nhar it-Tnejn 29 ta’ Settembru 2014, kull stazzjon li jipproduċi programmi t’aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti għandu jassigura li ringrazzjamenti lil dawk il-persuni jew entitajiet li jagħtu l-kontribut tagħhom għal tali programmi jingħataw fil-closing credits. Mhux permess li jintwerew logos ta’ dawn il-kumpaniji waqt is-sigla t’għeluq. Lanqas ma huwa permess li tintuża l-kelma ‘sponsor’ jew ‘sponsors’ fil-closing credits.

Mhux permissibbli li l-preżentaturi jirringrazzjaw lill-isponsors personali tagħhom. L-istess ħaġa tgħodd għal dawk l-ażjendi li joffru xi rigali li jistgħu jingħataw lill-mistiedna f’xi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti. Tali entitajiet għandhom ukoll ikunu inklużi ma’ dawk il-kumpaniji li jingħataw ħajr fis-sigla tat-tmiem (closing credits). L-Awtorità tesiġi li l-ħajr għandu jkun limitat biss lil dawk il-kumpaniji li jkunu taw is-servizz tagħhom jew ipprovdew oġġetti li huma meqjusa intrinsikament essenzjali sabiex jittella’ l-programm. Il-ħajr għandu jkun limitat biss għall-isem proprju tal-ażjenda jew provditur tas-servizz u mhux għall-prodott li jipproduċi jew ibiegħ.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv 
24 ta’ Settembru 2014
Ref 17/62/10