14/10 - 16 Nov 2010




Ċirkulari 14/10

Lill-Istazzjonijiet tat-Televiżjoni u Radju

Peress li f’ħafna programmi jintrebħu rigali mit-telespettaturi jew semmiegħa, ħassejt il-ħtieġa li nfakkarkom fil-leġislazzjoni sussidjarja Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir.

Infakkarkom li skont paragrafu 5 ta’ dawn il-Ħtiġijiet, l-istazzjon għandu r-responsabbiltà għat-tmexxija tal-kompetizzjoni kif ukoll għall-għoti tal-premjijiet. L-istazzjon għandu jindika meta kompetizzjoni se tintrebaħ u li min rebaħ jitħabbar fil-programm li jkun imiss wara li tkun għalqet il-kompetizzjoni. Huwa importanti tonoraw il-ħtieġa li l-premju jingħata lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni.

Paragrafu 10 ta’ dawn il-Ħtiġijiet jispeċifika l-informazzjoni li trid tingħata li f’kull każ għandha tinkludi:

i) data/i meta tagħlaq il-kompetizzjoni;
ii) termini u kundizzjonijiet importanti kif ukoll restrizzjonijiet dwar l-eliġibilità biex wieħed jieħu sehem;
iii) deskrizzjoni adegwata u ċara biżżejjed tal-premjijiet li jkunu se jintrebħu;
iv) kif u meta r-rebbieħa għandhom ikunu infurmati.

Jidher li f’numru ta’ każijiet, dawn il-provvedimenti mhux qed jiġu segwiti mill-istazzjonijiet. L-Awtorità beħsiebha tibda tenforza dawn ir-regolamenti b’mod aktar rigoruż. Għalhekk qed niġbdilkom l-attenzjoni sabiex tiżguraw li kull kompetizzjoni fi kwalunkwe programm timxi ma’ dawn ir-regolamenti.

Jibqa’ l-obbligu legali wkoll li l-istazzjon ixandar b’mod prominenti t-tariffa tat-telefonata jew sms jekk din tkun ogħla mir-rata normali. Fid-dawl tal-fatt li llum hawn numru ta’ operaturi ta’ servizzi ta’ telefonija fissa u mobile u għalkemm m’hemmx l-obbligu legali speċifiku, inħoss li huwa d-dmir ta’ kull xandar li jinforma lill-parteċipanti liema huma dawk l-operaturi nklużi fil-kompetizzjoni.

Fl-10 ta’ Diċembru 2009 kont ħriġt ċirkulari fejn tajt direzzjoni li meta jissemmew dawn l-operaturi, dan ma jkunx jikkostitwixxi reklam. Minkejja dan, ftit huma dawk l-istazzjonijiet li qed jinkludu din l-informazzjoni. Saħansitra, hemm każijiet fuq l-istess stazzjon fejn programm jagħti din l-informazzjoni u oħrajn le.

Huwa wkoll obbligu tal-istazzjon li jiżgura li jkollu s-software meħtieġ ħalli kull parteċipant ikollu ċans ġust biex l-sms jew telefonata tintagħżel bħala rebbieħa tal-kompetizzjoni.

Obbligu ieħor huwa li l-istazzjon jindika jekk parteċipazzjoni hijiex possibbli waqt repetizzjoni ta’ programm.

Fil-ġimgħat li ġejjin l-Awtorità beħsiebha temenda l-Avviż Legali biex tindirizza xi punti elenkati f’din iċ-ċirkulari u tħares aħjar l-interessi tal-konsumaturi li f’dan il-każ huma s-semmiegħa u telespettaturi li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet fuq il-mezzi tax-xandir.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
16 ta’ Novembru 2010
Ref 45/00, 32/07