[12/11] - Stqarrija (20/10/2011)




Stqarrija 12/11

L-Awtorità tax-Xandir tagħmel referenza għall-korrispondenza mibgħuta mill-Partit Laburista kif ukoll għar-rapporti fil-midja dwar il-preżentatur Lou Bondi u l-assikurazzjoni tal-imparzjalità u komportament tiegħu fi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fuq ix-Xandir tal-Istat.

L-Awtorità tax-Xandir ddiskutiet fit-tul, fuq firxa ta’ żewġ laqgħat, il-punti miġjuba għall-attenzjoni tagħha.

L-Awtorità tax-Xandir, trid tiċċara li l-Artikli 18 u 19 tal-Liġi Sussidjarja 350.14 dwar Standards u Prattika li Japplikaw għal Bulettini tal-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti li jitrattaw fost l-oħrajn l-interessi tal-preżentaturi u ħidmiethom barra mix-xandir, mhumiex infurzabbli mill-Awtorità tax-Xandir iżda jistgħu jiġu applikati mill-Public Broadcasting Services Limited.

Madanakollu, bħala regolatur tax-xandir f’pajjiżna, l-Awtorità kitbet lill-istess Public Broadcasting Services Limited fit-12 t’Ottubru, 2011 fejn esprimiet it-tħassib tagħha dwar dak li jidher li huwa nuqqas ta’ osservanza ta’ uħud mill-provvedimenti ta’ dan l-Avviż Legali u talbet lill-istazzjon;

a) jindika jekk wara li rċieva l-korrispondenza tal-Partit Laburista u l-iżviluppi suċċessivi, l-istazzjon kienx ħa azzjoni fir-rigward tal-preżentatur in kwistjoni, u jekk dan kien sar, x’kien l-eżitu ta’ tali azzjoni;
b) jindika jekk l-istazzjon hux qiegħed jieħu miżuri sabiex tali nuqqasijiet ma jirrepetux ruħhom; u
c) jindika x’obbligi qed jiġu inklużi f’kuntratti li l-Public Broadcasting Services Limited jiffirma ma’ produtturi indipendenti.

L-Awtorità tax-Xandir irċeviet risposta mill-Public Broadcasting Services Limited li fiha, fost l-oħrajn, l-istazzjon tal-istat saħaq li kull programm imxandar minnu jkun konformi mal-liġi u li minn żmien għal żmien l-istess Public Broadcasting Services Limited toħroġ linji gwida għall-dawk il-preżentaturi li għandhom programmi mxandra fuq l-istazzjon tal-istat.

L-Awtorità se tibqa’ ssegwi dawn il-programmi sabiex tassigura li l-provvedimenti tal-Liġi tax-Xandir u l-Kostituzzjoni jitħarsu b’mod sħiħ u llum kitbet lill-Public Broadcasting Services Limited fejn fakkritu fl-obbligu li joħroġ mill-istess Liġi u ċioe’ li l-Editur tal-istazzjon għandu jiżgura li qed jitħarsu bir-reqqa l-iStandards u l-Prattika li Japplikaw għall-Bulettini tal-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti u dan skont Artiklu 21.2 ta’ dan l-Avviż Legali.

Mario Axiak

 20 ta’ Ottubru 2011

Kap Riċerka u Komunikazzjoni 

Ref 13/91