[09/10] - Akkuża kontra PBS Ltd. - Bondiplus tat-3 ta’ Mejju 2010




Stqarrija: 09/2010

Stqarrija għall-Midja

Deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar Akkuża kontra PBS Ltd. rigward il-Programm Bondiplus tat-3 ta’ Mejju 2010

F’seduta li saret fit-18 ta’ Mejju 2010, l-Awtorità tax-Xandir semgħet akkuża mressqa mill-Kap Eżekuttiv tal-istess Awtorità kontra l-istazzjon Television Malta (TVM) dwar ledizzjoni tal-programm Bondiplus li kienet ixxandret fit-3 ta’ Mejju 2010. Dan ilprogramm ittratta l-kontenut tal-ktieb ‘Imperium Ewropa – The Book that Changed the World’, miktub mis-Sur Norman Lowell, u l-uniku mistieden fil-programm kien l-awtur ta’ dan il-ktieb. Il-Kap Eżekuttiv akkuża lill-istazzjon li dan il-programm kien kiser ilprovvedimenti ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att Dwar ix-Xandir kif ukoll diversi dispożizzjonijiet tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika biex Tinġieb ‘il Quddiem l-Ugwaljanza Razzjali. Dawn il-Ħtiġijiet kienu ġew fis-seħħ f’April tas-sena 2007 permezz ta’ Avviż Legali (L.S. 350.26).

Fis-sottomissjonijiet tagħhom quddiem l-Awtorità, kemm il-preżentatur/produttur talprogramm kif ukoll ir-rappreżentanti tal-istazzjon stqarrew, fost ħwejjeġ oħra, li l-iskop ewlieni tal-programm kien li jesponi x’inhuma verament il-ħsibijiet ta’ Norman Lowell u dan anki fid-dawl tar-riżultat elettorali li kien kiseb Lowell fl-aħħar elezzjoni għall-Membri tal-Parlament Ewropew. Il-preżentatur u l-istazzjon saħqu li l-programm ried jikkontesta u jxejjen l-argumenti razzisti ta’ Lowell. L-istazzjon saħaq ukoll li, waqt li kien jirrikonoxxi li ħafna mill-kitba ta’ Lowell kienet kundannabbli, id-dritt fundamentli tal-libertà tal-espressjoni kellha tipprevali fuq konsiderazzjoni oħra.

Kienet x’kienet ir-raġuni li wasslet biex jittellgħa dan il-programm, fl-opinjoni tal-Awtorità id-deċiżjoni li ttieħdet minn min hu editorjalment responsabbli fl-istazzjon, li lprogramm kellu jixxandar u li kellu jixxandar live mingħajr ebda editjar, kienet deċiżjoni żbaljata. L-Awtorità ma tistax tifhem għaliex u lanqas ma tista’ taċċetta li kellu jingħata spazju estensiv waqt il-prime time fuq l-istazzjon tal-Istat lil persuna li hija magħrufa għat-tixrid tal-mibgħeda razzjali u għall-opinjonijiet offensivi tagħha, persuna li saħansitra nstabet ħatja mill-Qrati Maltin li kisret id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali dwar il-mibgħeda razzjali u li għalhekk ingħatat sentenza ta’ ħabs sospiża.

Madankollu, ir-responsabbiltà tal-Awtorità f’dan il-każ hija li teżamina l-kontenut taxxandira u tiġġudika jekk dan kisirx id-dispożizzjonijiet tal-liġi msemmija fl-akkuża in kwistjoni. F’dan ir-rigward, l-Awtorità waslet għall-konklużjonijiet segwenti:

Il-programm kien jikkonsisti prinċipalment f’diskussjoni bejn il-preżentatur u l-awtur dwar diversi siltiet mill-imsemmi ktieb, siltiet kemm dwar xi teoriji assurdi u surreali li jħaddan Norman Lowell kif ukoll siltiet dwar diversi preġudizzji razzjali li għandu lawtur, inkluż preġudizzji dwar razez ta’ kulur iswed, li l-awtur iqishom ġenetikament inferjuri, u dwar il-poplu Lhudi. F’dan ir-rigward, irid jingħad li l-preżentatur ipprepara ruħu tajjeb sabiex ixejjen il-preġudizzji tal-awtur u b’mod ġenerali kkonfronta lillmistieden tiegħu b’mod serju u determinat. Għalhekk, l-Awtorità ma tħossx li tkun ġustifikata li tipproċedi b’mod ulterjuri fil-konfront ta’ parti mill-akkuża tal-Kap Eżekuttiv, u ċjoé dik il-parti tal-akkuża li tgħid li l-istazzjon kiser xi dispożizzjonijiet talĦtiġijiet dwar Standards u Prattika biex Tinġieb ‘il Quddiem l-Ugwaljanza Razzjali.

Min-naħa l-oħra, l-Awtorità tħoss li kien hemm partijiet tal-programm fejn saret referenza jew ġew ikkwotati xi siltiet mill-ktieb ta’ Lowell li huma manifestament insensittivi u offensivi, u li taw l-opportunità lill-mistieden li jkompli joffendi, li setgħu ġew evitati. B’mod partikolari, l-Awtorità qed tirreferi għal dawn l-episodji talprogramm:

  • iċ-ċaħda li għamel il-mistieden tal-Olokawst ta’ miljuni ta’ Lhud u      persuni oħra, imwettaq mir-reġim Nażista matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u      dan meta l-mistieden irrefera għal dawn il-vittmi bħala ‘s-sitt miljun      fatat’, kumment li jidher li ħasad ukoll lill-preżentatur li ma għarafx      jirreaġixxi għalih b’mod sodisfaċenti
  • il-qari ta’ silta mill-ktieb in kwistjoni fejn l-awtur jipproponi      li ‘dawk b’diżabilità severa jew mentalment difettużi, jew jiġu abortiti      jew jinqatlu b’mod ħanin sa siegħa wara li jitwieldu’. Il-qari ta’ din      is-silta tat l-opportunità lill-mistieden biex ikompli joffendi u jespandi      fuq il-proposta tiegħu. Sfortunatament, f’dan il-każ, lintervent      tal-preżentatur kien wieħed minimu
  • wara li l-preżentatur qara l-kontenut ta’ e-mail li qal li kien      irċieva mingħand omm li kienet addottat tifla mill-Etiopja, il-mistieden      għamel stqarrija mill-aktar insensittiva meta qal li ‘kull min addotta a      non-Europid, addotta mhux ikollu, ikollu jitlaq miegħu, biex jekk inti      addottajt baby mill-Kenja, tmur miegħu il-Kenja ħalli toqgħod tieħu gost      bih in its natural habitat. Qed tifhem? Discovery Channel qatt smajt bih?’      L-implikazzjonijiet ta’ dawn il-kummenti ma jistgħux ikunu aktar offensivi      għas-sentiment pubbliku, speċjalment fir-rigward ta’ dawk il-ħafna      ġenituri li għażlu li jaddottaw trabi ta’ razza differenti minn tagħna.

Fid-dawl ta’ dawn l-istqarrijiet, li kif diġà ntqal, fl-opinjoni tal-Awtorità kienu manifestament offensivi għas-sentiment pubbliku u li setgħu ġew evitati, l-Awtorità kkonkludiet li dik il-parti tal-akkuża tal-Kap Eżekuttiv li l-kontenut ta’ dan il-programm kien kiser id-dispożizzjonijiet ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att Dwar ix-Xandir, kienet ġiet ippruvata u għalhekk, l-Awtorità qed timponi fuq l-istazzjon il-penali relattiva ta’ elf mija erbgħa u sittin (€1,164) ewro.

Kif diġà ntqal qabel f’din id-deċiżjoni, fis-sottomissjonijiet tiegħu, l-istazzjon, waqt li ammetta li l-istqarrijiet li għamel Norman Lowell kienu kundanabbli, saħaq li d-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni kellu jipprevali. Hawnhekk, l-Awtorità trid ittenni dak li kienet qalet f’deċiżjoni li kienet ħadet fis-sena 2004, meta anki dakinhar kienet sabet li programm li kien ixxandar fuq stazzjon privat bil-parteċipazzjoni ta’ Norman Lowell, kien kiser l-istess dispożizzjonijiet tal-Att Dwar ix-Xandir, u ċjoé li l-Awtorità temmen li d-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni kellu jiġi eżerċitat fir-rispett taddrittijiet u libertajiet fundamentali ta’ kull persuna oħra u li din ir-restrizzjoni hija raġonevolment ġustifikata f’soċjetà demokratika. F’dan il-każ partikolari, l-istazzjon tal-Istat, sfortunatament fl-opinjoni tal-Awtorità, qed jiddefendi d-dritt fundamentali tallibertà tal-espressjoni mingħajr ebda restrizzjoni ta’ persuna li hija nnifisha qed tiġġieled sabiex iċċaħħad id-dritt fundamentali ta’ persuni li jitwieldu b’diżabilità li jgħixu ħajjiethom u d-dritt fundamentali ta’ dawk il-ġenituri li jkunu addottaw tarbija ta’ razza differenti minn tagħna għat-tgawdija tal-ħajja tal-familja tagħhom.

Mario Axiak B.A. Hons., M.B.A.   (Maastricht), M.I.M.

 27 ta’ Mejju 2010

Kap Riċerka u Komunikazzjoni