07/19 - 08 Apr 2019




Ċirkulari 7/19
Ċirkulari lill-Istazzjonijiet tat-Televiżjoni


Evalwazzjoni tal-Provvedimenti tal-Element Kwantitattiv tar-Reklamar 
fid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Mezzi Awdjoviżivi


Kif ġie ppreżentat f’laqgħa li saret għall-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali fis-26 ta’ Marzu 2019, issa li d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva ġiet adottata f’Novembru 2018, se jibda l-proċess fejn kull stat membru jibda bit-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva. Kif ingħad fil-laqgħa, din id-Direttiva se toffri bidliet f’uħud mill-provvedimenti tal-leġislazzjoni tax-xandir u għaldaqstant l-Awtorità tħoss li, sakemm ikun għadu fis-seħħ il-perjodu ta’ traspożizzjoni, jinbeda studju dwar kif l-implimentazzjoni se tkun qed taffettwa l-industrija lokali tax-xandir.

Għalhekk l-Awtorità ħasset li tpoġġi quddiem l-istazzjonijiet tat-televiżjoni l-provvedimenti tar-reklamar kwantitattivi, liema provvedimenti huma essenzjali għall-operat tal-istazzjonijiet lokali.

Il-provvediment il-ġdid jitlob dan li ġej:-

1. Il-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ telebejgħ fil-perjodu bejn is-06:00 u s-18:00 ma għandux jaqbeż 20% ta’ dak il-perjodu. Il-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ telebejgħ fil-perjodu bejn is-18:00 u s-24:00 m’għandux jaqbeż 20% ta’ dak il-perjodu. 

2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal :

(a) L-avviżi magħmula mix-xandar b’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess u prodotti anċillari meħuda direttament minn dawk il-programmi jew ma’ programmi u servizzi tal-media awdjoviżiva minn entitatjiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp ta’ xandir;
(b) L-avviżi ta’ sponsorizzazzjoni;
(c) L-inklużjoni ta’ prodotti kummerċjali;
(d) Il-frames newtrali bejn il-kontenut editorjali u r-reklamar televiżiv jew l-ispots ta’ telebejgħ, u bejn l-ispots individwali.


Minħabba f’hekk l-Awtorità ddeċidiet li tipproponi lil kull stazzjon televiżiv dan li ġej:-

• L-istazzjon jagħżel tlett ijiem li jkunu kkommunikati minn qabel lill-Awtorità sabiex f’dawn it-tlett ijiem titħaddem din ir-regola ġdida t’hawn fuq.
• Dawn it-tlett ijiem mhux neċessarjament ikunu jsegwu. 
• Din il-proposta mhijiex obbligatorja u l-istazzjon jista’ jibqa’ miexi mar-regoli preżenti.
• Dawn it-tlett ijiem jistgħu jintużaw sal-aħħar ta’ Settembru 2019.

B’dan il-mod kemm l-industrija kif ukoll l-Awtorità jkunu jistgħu jibdew jieħdu l-ewwel indikazzjonijiet dwar l-effetti li dan il-provvediment jista’ jġib fuq is-settur inġenerali, kemm minn aspett kummerċjali kif ukoll minn aspett regolatorju.

Dr Joanna Spiteri 
Kap Eżekuttiv
8 t’April 2019
Ref 15/18